Bdil fit-tmexxija ta l-Assoċjazzjoni Nazzjonali tar-Regatta

Wednesday, March 25, 2015, 11:15

L-Għaqda Regatta Nazzjonali u Qdif Ieħor, l-assoċjazzjoni Nazzjonali li tiġbor fi ħdanha is-seba’ Clubs tar-Regatta li jinsabu Malta (Birgu, Birzebbuga, Bormla, Isla, Kalkara, Marsa u Marsamxett) kellha bdil fit-tmexxija tagħha, fejn fost l-oħrajn inħatru, Dott. Joseph Grima bħala President, il-Perit Graham Attard bħala Viċi President u Simon Micallef bħala PRO. Anthony Caruana u Joe Galea ġew ikkonfermati bħala Segretarju u Kaxxier rispettivament, waqt li David Brydon u Alex Azzopardi inħatru bħala Assistent Segretarju u Assistent Kaxxier. Is-Sur Nazzareno Mifsud li għal dawn l-aħħar snin okkupa l-kariga ta’ President ġie maħtur bħala Viċi President Anzjan. Dawn il-ħatriet ġew ikkonfermati b’mod unanimu mill-Clubs kollha.

Il-Kumitat il-ġdid jemmen wasal iż-żmien li r-Regatta u l-isport tal-qdif fuq il-baħar, l-aktar sport antik ipprattikat mill-Maltin, jingħataw ‘boost’ l’ quddiem, kemm għal ġid tal-istess Regatta nfisha kif ukoll tal-Clubs. Prezentament, f’Malta t-tigrijiet tar-regatta jsiru fil-Festi Nazzjonali tal-31 ta’ Marzu, Jum il-Ħelsien, u fit-8 ta’ Settembru, Jum il-Vittorja. Issir ukoll tiġrija għaż-żgħażagħ f’Lulju.

Fl-ewwel messaġġ tiegħu bħala President, Joseph Grima qal li hu ser jaħdem biex ir-Regatta Maltija terġa tieħu spinta l-quddiem. “Hemm bżonn li r-Regatta tissaffa, biex b’hekk jispikkaw aktar l-elementi sbieħ tagħha, kemm minn naħa ta’ tradizzjoni u kultura, kif ukoll mill-lat sportiv”. Hu qal li hemm bżonn li l-Għaqda ssir iktar miftuħa u profossjonali, u flimkien ma’ entitajiet kompetenti oħra, jibdew isiru studji u proġetti ta’ riċerka li jgħinu lil dan l-isport jimxi l-quddiem. “Huwa essenzjali li lkoll niġbdu ħabel wieħed biex l-avveniment tar-Regatta jerġa jsir wieħed fejn familji Maltin u turisti jħossuhom komdi u jiedu pjaċir.” Dott. Grima irringrazzja wkoll lis-Sur Nazzareno Mifsud tal-ħidma tiegħu u qal li hemm bżonn li nies bħalu li għandhom esperjenza indispensabbli fir-Regatta jibqgħu attivi fl-aħjar interess ta’ dan l-isport tradizzjonali Malti.

Il-Perit Graham Attard, li ġie elett bhala viċi president, saħaq fuq l-importanza li naħdmu aktar biex jiżdied il-kuntatt man-nies permezz tas-siti soċjali u website ufficjali. “Dan għaliex nemmnu ħafna fil-komunikazzjoni man-nies. Fejn in-nies tara impenn u serjeta’ tersaq, tipparteċipa u tattendi bi ħġarha. Hemm bzonn li ikunu attirati aktar żgħażagħ lejn kull Klabb tar-Regatta. Dan iwassal f’ aktar parteċipażżjoni min persuni diversi u b’hekk ir-Regatta terġa’ tieħu r-ruħ hekk kif darba kienet. Kif missirijietna ħadu ħsieb li jgħaddulna dan il-wirt b’saħħtu hekk ukoll għandna d-dmir u d-dover li nagħmlu aħna wkoll.”





Leave a comment