Basketball: Tingħata art lil Hibernians Basketball Club

Thursday, June 1, 2017, 16:20

s-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport Chris Agius illum iffirma letter of intent li biha ser tingħadda biċċa art, li tinsab biswit il-Padiljun ta’ Hibernians, lill-klabb tal-basketball ta’ Hibernians.

Is-Segretarju Parlamentari spjega kif kien għadu kemm ġej minn Sports day għat-tfal tal-Kinder 1 u 2.  Huwa sostna li huwa importanti li t-tfal żgħar tagħtihom l-opportunità jinnamraw mal-isport li tiswiehom ’il quddiem.  Huwa sostna l-importanza tal-valur li tkun taf taħdem f’tim għaliex ħadd ma jagħmel xejn waħdu fil-ħajja.  Is-sinerġija u r-riżultati jkunu aħjar u aktar effettivi meta wieħed ikollu dawn il-ħiliet.
Huwa temm jgħid li l-pass li jmiss huwa li tkun attwata l-liġi tal-kummercjalizzazzjoni tal-faċilitajiet sportivi għax l-ispejjeż tal-klabbs qegħdin kulma jmur jiżdiedu.  Kull min għandu propjetà ta’ ċerta daqs jista’ jara li l-ispejjeż jittaffew u l-klabb ikun sostenibbli.

Il-President ta’ Hibernians Basketball Club Charles Deguara spjega kif il-ħtieġa ta’ padiljun ġdid bdiet tinħass sew minn meta f’Novembru l-Padiljun eżistenti reġa’ beda jintuża kważi kuljum għall-kompetizzjonijiet kollha tal-Futsal.  Minn dakinhar, Hibs kellhom jibdew jikru erba’ gyms oħra biex ilaħħqu mad-domanda għat-taħriġ mit-timijiet tagħhom bi spiża konsiderevoli kull xahar.

Huwa spjega kif l-isport għandu valur edukattiv qawwi fejn it-tfal jitgħallmu f’ambjent ta’ tim, jitgħallmu jirrispettaw l-avversarji tagħhom kemm meta titlef u kemm meta tirbaħ, u dawn il-valuri jsibuhom fil-ħajja.

Il-Padiljun il-ġdid huwa stmat li se jkun jiswa madwar miljun ewro meta jkun lest minn kollox u x-xogħol ta’ kostruzzjoni jibda mill-ewwel appena l-Awtorità tal-Ippjanar japprova l-pjanti sottomessi wara li tgħaddi r-riżoluzzjoni mill-Parlament biex l-art in kwistjoni tkun trasferita fuq bażi ta’ ċens lil Hibernians Basketball Club.  Il-Proġett ser ikun iffinanzjat minn investiment kompletament privat.





Leave a comment