Basketball: Għaddej ix-xogħol fuq il-Padiljun tal-Basketball f’Ta’ Qali

Friday, May 26, 2017, 13:56

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport Chris Agius illum żar ix-xogħlijiet li għaddejjin fuq il-padiljun tal-basketball f’Ta Qali.  Huwa kien milqugħ u mdawwar mas-sit mill-President tal-MBA Paul Sultana li spjega li x-xogħol jinsab fit-tielet ġimgħa tiegħu u s’issa diġà żżarma ħafna mill-hangar li jmur lura għal żmien il-gwerra. Fil-fatt se tinżamm biss l-istruttura tal-ħadid li magħha se jintrabat saqaf ġdid li possibilment fuqu jistgħu jitpoġġew pannelli solari biex hekk tkun imtaffa l-ispiża tal-konsum tad-dawl.

Ix-xogħlijiet bdew dan ix-xahar u mistennija jitlestew f’Awwissu biex ikunu lesti għall-bidu tal-istaġun li ġej.  Il-proġett huwa kollu ffinanzjat minn SportMalta.

Il-bdil tal-hangar innifsu huwa l-ewwel fażi tal-proġett u wara fit-tieni fażi ser jinbena stand ikbar u jitranġaw il-faċilitajiet anċillari. Tajjeb wieħed isemmi li l-art tal-Padiljun se tibqa’ dik li hi hekk kif din inbidlet riċentement wara l-ħsara li sarlu l-padiljun minħabba xita qawwija li kienet laqtet il-gżejjer.

Il-Padiljun tal-basketball ilu mibni għexieren ta’ snin u serva ta’ hangar fil-gwerra. Kien fis-snin sebgħin li ngħata lill-assoċjazzjoni sabiex tużah għal-logħob tal-basketball.





Leave a comment