Il-Basketball lura Ta’ Qali

Wednesday, October 31, 2012, 10:09

Il-Gvern investa €270,000 fir-rinovar u t-titjib tal-Padiljun f’Ta’ Qali filwaqt li għaddha art pubblika b’valur kummerċjali ta’ €453,600 lil Malta Basketball Association u l-klabbs fi ħdanha. Dan bil-għan li l-isport tal-basketball ikompli jiżviluppa u jikber fost it-tfal u żgħażagħ. Dan ħabbru l-Onor Clyde Puli, Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport meta żar il-ftuħ mill-ġdid tal-Padiljun f’Ta’ Qali wara xogħol fuq li sar fuq l-art bit-tibdil tal-parquet. Puli qal li wara li fl-2009 il-Gvern alloka ħaddiema tiegħu u anke ħareġ is-somma ta’ €93,000, l-Gvern investa €180,000 oħra biex sar dan ix-xogħol li kien neċessarju minħabba l-ħsarat li saru fl-art tal-padiljun wara x-xita li għamlet f’Settembru li għadda. L-MBA ħadet ħsieb li tgħolli l-livell tal-art qabel twaħħal il-parquet il-ġdid biex din il-problema ma terġax tiġri. Is-Segretarju Parlamentari żied li sakemm tlesta dan ix-xogħol il-Gvern permezz tal-Kunsill Malti għall-Isport, għamel ftehim mal-MBA, biex il-logħob tal-basketball seta jintlgħab fil-Kumpless Sportiv tal-Qroqq filwaqt li l-MBA ibbenefikaw minn sussidju ta’ €1,770.

L-Onor Puli sostna li l-missjoni tal-Gvern hija li jwessa’ l-parteċipazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ fl-isport u għalhekk qiegħed jidħol bi sħab mal-għaqdiet sportivi biex itejjbu l-faċilitajiet tagħhom biex ikunu jistgħu jilqgħu aktar persuni biex jitħarrġu fl-isport. Hekk għamel il-Gvern mal-MBA, meta ftit tax-xhur ilu daħal fi ftehim biex jinbnew faċilitajiet oħra għal taħriġ biswit il-padiljun ta’ Ta’ Qali. Għal dan il-proġett il-Gvern mhux biss se jidħol bi sħab mal-MBA fl-investiment kapitali iżda għaddha żewġ biċċiet art li l-valur kummerċjali tagħhom huwa ta’ €124,000. Dawn iż-żewġ artijiet jingħaqdu ma’ artijiet pubbliċi oħra li jamministraw il-klabbs u l-Assoċjazzjoni tal-basketball f’Ta’ Qali, fis-Siġġiewi u fil-Furjana b’valur kummerċjali ta’ €329,600. Puli fakkar kif il-Gvern għandu 129 biċċa art pubblika għand 115-il għaqda sportiva b’valur kummerċjali ta’ €47 miljun, filwaqt li din is-sena l-għaqdiet sportivi qed igawdu wkoll minn 26 skema sportiva u pakkett ta’ assistenza rekord ta’ €8 miljun.

Is-Segretarju Parlamentari ħeġġeġ lill-għaqdiet sportivi biex jieħdu vantaġġ mill-iskema ta’ turiżmu sportiv li fl-aħħar 3 snin inċentivat lill-għaqdiet sportivi biex iġibu turisti sportivi f’pajjiżna. Fakkar kif permezz ta’ din l-iskema l-għaqdiet ġabu madwar 140,000 bednight li ħallew fil-pajjiż madwar €7.5 miljun u madwar miljun ieħor għand l-għaqdiet infushom. Fi tmiem id-diskors tiegħu s-Segretarju Parlamentari ippreżenta assistenza lill-Malta Basketball Association permezz tal-iskema Youth Development għall-kors li l-Assoċjazzjoni għamlet f’Settembru li għaddha biex tħarreġ kowċis tal-Mini-Basketball.

 

 

 

 

 

 





1 Comment

  1. PAUL SULTANA says:

    Ghan nom Tal Malta Basketball Association u dawk kollha involuti fil basketball lokali, nixtieq min qalbi nirringrazzja lil Seg. Parlamentari Clyde Puli, fisem il Gvern Malti, Bernard Vassallo Chairman tal-Kms, ta L-ghajnuna kontinwa li jaghtu lil Malta Basketball Association.
    Paul Sultana
    President, Malta Basketball Association

    [Reply]

Leave a comment