Balzan Youths u Żurrieq Sunrise fis-semifinali tal-MAFA Christmas Cup

Monday, December 9, 2019, 7:28

Balzan Youths u Żurrieq Sunrise komplew jimpressjonaw matul dan l-istaġun hekk kif eliminaw lill-avversarji aktar ikkwotati minnhom  u kkwalifikaw għas-semifinali tal-MAFA Christmas Cup

Hekk kif intlagħbu l-kwarti tal-finali ta’ din it-tazza li ssir f’dawn iż-żminijiet sbieħ tal-Milied, anke l-favoriti Marsa St Michael u  Senglea Gunners kisbu kwalifikazzjoni għal mal-aħħar erbgħa tal-kompetizzjoni.

Fuq kollox kellna bilanċ assolut fi tlieta mill-erba’ partiti li ntlagħbu, b’żewġ logħbiet li saħansitra spiċċaw bl-għoti tal-penalties. B’kollox ġew skorjati 18-il gowl f’dawn l-erba’ konfronti li ntlagħbu fil-grawnds ta’ Santa Lucia u l-Mosta.

Kif għedna Marsa St Michael komplew jagħtu wirjiet tajba matul dan l-istaġun meta huma għelbu lil Balluta Baracudas 4-1. Kienet wirja tajba mit-tim immexxi minn Francois Spiteri li ssiġġilla r-rebħa tiegħu fit-tieni taqsima b’żewġ gowls verament tajbin.

Is-St Michael għamlu l-intenzjonijiet ċari sa mill-bidu u marru fil-vantaġġ fir-raba’ minuta permezz ta’ Matthew Coleiro sabiex tmien minuti wara Dimitar Boyadhziev irdoppja l-iskor.

Balluta Barracudas, tim iffurmat minn żgħażagħ determinati u veloċi, naqqsu l-marġni tal-iskor fid-19-il minuta permezz ta’ Paco Vassallo sabiex l-ewwel taqsima spiċċat 2-1 favur il-Marsin.

Fit-tieni taqsima, Marsa St Michael evitaw xi tip ta’ sorpriża u skorjaw żewġ gowls oħra minn Deyan Madzharov li kkonferma l-kwalifikazzjoni tat-tim tiegħu b’doppjetta personali b’gowl minnhom jasal minn penalty.

Senglea Gunners u San Ġiljan Saints ipproduċew logħba mill-isbaħ fejn fiha ġew skorjati seba’ gowls. Fl-aħħar mill-aħħar kienu t-tim mill-Kottonera li daħku l-aħħar daħka meta għelbu lill-avversarji Ġiljaniżi 4-3.

Kien Ray Forbes li poġġa lil San Ġiljan Saints fil-vantaġġ wara 18-il minuta, b’Simphiwe Nomfulana li ġab l-iskor indaqs disa’ minuti wara.

Sawo Mamadou reġa’ poġġa lis-Saints fil-vantaġġ sabiex f’botta u risposta Adrian Sammut reġa’ ġab id-dro għas-Sengleani.

Hawn daħal fix-xena l-attakkant mill-Afrika t’Isfel Simphiwe Nonfulana li skorja żewġ gowls oħra sabiex għaqqad hat-trick personali.

James McCarthy reġa’ daħħal ftit tama għal San Ġiljan Saints li minkejja l-attakki kontinwi tagħhom ma rnexxielhomx jinfdu lid-difiża ferm organizzata ta’ Senglea Athletic.

Żurrieq Sunrise għaddew għas-semifinali ta’ din il-kompetizzjoni tal-Milied meta għelbu lill-holders Valletta Stars 5-3 wara l-għoti tal-penalties.

Kienet logħba bilanċjata li rat liż-żewġ timijiet jtemmu l-konfront fl-ewwel 70 minuti logħob fi dro ta’ 1-1. Kien Bozidar Zoric li poġġa lill-Istilel Beltin fil-vantaġġ b’Żurrieq Sunrise iwieġbu fit-33 minuta bil-gowl tad-dro ta’ Clyde Carabott.

Fit-tieni taqsima l-ebda tim ma nifed lid-difiża rispettiva sabiex kellna mmorru għall-għoti tal-penalties u hawn fejn iż-Żrieraq skorjaw il-ħames penalties tagħhom, bil-Beltin ifallu tnejn minnhom.

Valletta St Pauls, li kienu favoriti għal din it-tazza, sfaw eliminati bl-istess mod meta kienu Balzan Youths li rebħu r-raba’ kwarti tal-finali bl-iskor ta’ 6-3 wara l-għoti tal-penalties.

Anke hawn rajna logħba ferm akkanita u bilanċjata fejn kienu Balzan Youths li marru fil-vantaġġ permezz ta’ awtogowl ta’ Leandro Camilleri. Valletta St Pauls irrispondew fit-23 minuta permezz ta’ Radovan Duric li skorja gowl verament tajjeb.

Minkejja dan il-gowl, Balzan pront ħarġu l-logħob tant li sittin sekonda wara l-iskorer prolifiku Shaun Matintela reġa’ poġġihom fil-vantaġġ bl-ewwel 35 minuta jintemmu bil-Youths 2-1 minn fuq.

Fit-tieni taqsima, Radovan Duric skorja doppjetta personali sabiex ġab l-iskor indaqs bil-logħba li kellha tmur għal-lotterija tal-penalties.

Hawn kien it-tim immexxi minn Kevin Curmi li ħareġ rebbieħ, bis-St Pauls li fallew żewġ penalties.

Wara dawn il-partiti, itellgħu l-poloz tas-semifinali li rriżultaw hekk:

Is-Sibt 14 ta’ Diċembru 2019 – Santa Lucia Ground
2:00pm – Senglea Gunners vs Balzan Youths
3:30pm – Żurrieq Sunrise vs Marsa St Michael

PHOTO CAPTION: L-attakkant ta’ Balzan Youths Shaun Matintela jtella’ attakk għat-tim tiegħu.





Leave a comment