Balkan Fusion u Gżira Athleta jibdew bir-rebħ

Monday, October 23, 2017, 22:24

St. James Hospital Shield Irġiel 2 Diviżjoni

minn Colin Schembri

Starlites 52

Balkan Fusion 76

(11-23)(12-12)(22-12)(7-29)

Fl-ewwel partita mis-St. JamesHospital Shield tat-tieni diviżjoni, it-team żagħżugħ ta’ Starlites iltaqgħu kontra MSB Balkan Fusion li huwa magħmul minn players barranin residenti f’pajjiżna. Starlites kellhom prattikament l-iskwadra tal-istaġun li għadda biż-żieda ta’ Julian Wait. Il-partita kellha bidu bilanċjat bi Starlites jieħdu vantaġġ 8-4 b’punti minn Ryan Carabott u Miguel Falzon. Balkan wieġbu b’run qawwija ta’ 19-3 b’diversi punti ta’ Nemanja Radicevic u Alexandar Perunicic li kellhu wkoll trippla biex temmew is-sessjoni 23-11 minn fuq. Fit-tieni perjodu l-punti naqqsu u wara li Starlites kellhom trippla ta’ Matthew Scerri, Balkans kellhom break qasir ta’ 7-2. Starlites wieġbu bi trippla oħra minn Mirco Azzopardi biex il-vantaġġ ta’ Balkan kien ta’ 12 –il punt 35-23.

Fit-tielet sessjoni Starlites tejjbu l-logħba tagħhom u bi breaks qosra u l-punti ta’ Carabott u Falzon naqqsu d-distakk għal ħames punti 36-41. Perunicic wieġeb għal Balkan però Starlites komplew b’run oħra ta’ 9-2 li għalquha bi trippla ta’ Azzopardi biex naqqsu l-iżvantaġġ għal basket 45-47. B’Perunicic barra stennejna li l-partita se ddur favur Starlites iżda Balkan kellhom ħsibijiet oħra hekk kif bdew l-aħħar taqsima bi break qawwi ta’ 11-0 b’diversi punti ta’ Radicevic. Azzopardi waqqafhom bl-ewwel basket ta’ Starlites però Balkan kellhom run oħra ta’ 14-2 bi trippla ta’ Bogdan Ilic u l-punti ta’ Nenad Bukva u Radicevic. Slavko Opojlevic kiseb l-aħħar żewġ baskets ta’ Balkans li ħadu l-ewwel rebħa tal-istaġun fuq skor ta’ 76-52.

Starlites: O. Psaila 4, M. Azzopardi 10, L. Vella, I. Felice Pace 4, R. Carabott 12, M. Falzon 12, M. Scerri 10, I. Pace, M. Vella, J. Wait, A. Xuereb.

Balkan Fusion: M. Stjepanovic 5, B. Ilic 12, A. Perunicic 18, N. Bukva 12, V. Lekovic, S. Opojlevic 5, N. Radicevic 24.

Referees: Gordon Barbara, Emanuel Mangani.

Gżira Athleta 63

Marvels Power Plus 50

(19-13)(10-10)(19-17)(15-10)

Ic-champions tat-tieni diviżjoni tal-istaġun li għadda Gżira

Ritratt: Wally Galea

Athleta għelbu lil Marvels 63-50 fit-tieni partita minn Pool 1. It-team tal- Athleta, din is-sena mmexxi minn Peter Farrugia, għal darb’oħra se jkun magħmul minn diversi żagħżagħ hekk kif issa Kwame Thompson kompla l-karriera tiegħhu barra minn xtutna. Marvels, li kellhom formazzjoni qasira se jkunu mmexxija minn Daniel Bugeja b’dan tal-aħħar jirritorna fil-logħba wara nuqqas ta’ xi snin. Athleta fetħu tajjeb bi break ta’ 10-2 bi three pointers ta’ Nathan Xuereb u Stefan Vincic. Marvels bdew jirkupraw speċjalment bil-punti tat-Taljan Nicolò Guida u naqqsu d-distakk għal 3 punti qabel ma trippla ta’ Francesco Mifsud Bonnici u freethrows ta’ Luca Stefanovic raw lil Athleta jtemmu l-ewwel sessjoni 19-13 minn fuq. Fit-tieni perjodu, Athleta fetħu bi trippla oħra ta’ Vincic u l-punti ta’ Xuereb u Joshua Aquilina biex reġgħu marru 10 minn fuq 29-19. Qabel l-intervall Marvels naqqsu d-distakk b’punti ta’ Guida u Darryl Pisani għal skor ta’ 29-13.

Fit-tielet sessjoni, iż-żewġ timijiet kellhom trippla però Athleta komplew iżidu l-vantaġġ wara punti minn Xuereb u Mifsud Bonnici u three pointer ieħor ta’ Vincic. Marvels ma ċedewx u kellhom run ta’ 8-0 b’Guida għal darb’oħra protagonist u s-sessjoni ntemmet b’basket ta’ Mifsu Bonnici biex Athleta kienu 8 minn fuq 48-40. Fl-aħħar taqsima Athleta kkontrollaw aħjar il-vantaġġ li kellhom speċjalment bil-punti ta’ Miguel Gauchi Montaldo u trippla oħra ta’ Vincic u rebħu l-partita 63-50.

Gżira Athleta: R. Zammit, F. Mifsud Bonnici 13, N. Henriksen, L. Stefanovic 5, M. Gauchi Montaldo 6, N. Xuereb 19, J. Aquilina 2, J. Falzon, S. Vincic 18, M. Cilia, J. Monteiro Neto.

Marvels Power Plus: N. Guida 29, R. Curmi 6, D. Debattista 1, D. Pisani 6, A. Morris, C. Briffa 4, A. Toompere 4.

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Jennifer Mangani.





Leave a comment