- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Balkan Fusion jirbħu l-konfront dirett

Posted By sportinmalta1 On February 5, 2018 @ 4:53 pm In Basketball,Featured | No Comments

Kampjonat Bank of Valletta Irġiel 2 Diviżjoni

minn Colin Schembri

Siġġiewi  42

Victoria Libertas 35

(8-11)(9-8)(10-8)(15-8)

Siġġiewi kisbu t-tieni rebħa tal-kampjonat wara li għelbu lil Victoria Libertas 42-35 f’partita bejn żewġ timijiet minn naħa t’isfel tal-klassifika. Siġġiewi kellhom nieqsa lil John Paul Antoncic, Joshua Anastasi u Gabriel Agius fil-waqt li Libertas kienu mingħajr Malcolm Sammut u Paul Caruana. Iż-żewġ timijiet wettqu diversi żbalji speċjalment fl-attakk. Kienu Libertas li kellhom l-aħjar bidu tant li fetħu vantaġġ ta’ 8 punti 11-3 wara baskets minn David Agius u Michel Farrugia. Ir-risposta ta’ Siġġiewi ġiet bil-punti ta’ Roberto Alosco u trippla ta’ Alex Novakovic però Libertas kienu għadhom minn fuq 11-8. It-tieni sessjoni ftit offriet emozzjoni u wara li Siġġiewi ħadu l-vantaġġ, reġgħu kienu Libertas li bi break ta’ 8-0 daħlu jistrieħu minn fuq 19-17.

Fit-tielet perjodu iż-żewġ timijiet bdew iwieġbu lil xulxin bis-Siġġiewi għal 3 darbiet jirnexxielhom jagħmlu l-iskor indaqs u hekk baqa’ l-iskor sa’ tmiem is-sessjoni 27-27. Siġġiewi kellhom l-aħjar bidu għar-raba’ sessjoni b’sitt punti mingħajr risposta minn Novakovic u Hubert Agius. Libertas irrispondew permezz ta’ Agius u Emanuel Lupo però Siġġiewi komplew bi break ieħor qasir ta’ 8-0. Huma fetħu vantaġġ ta’ 12 –il punt u minkejja li Libertas kellhom trippla minn Farrugia u punti ta’ Nicolo Petrucci u Bernard Soler, Siġġiewi baqgħu jikkontrollaw sat-tmiem biex rebħu l-partita 42-35.

Siġġiewi: A. Novakovic 15, A. Baldacchino 2, M. Baldacchino, H. Agius 10, J. Carter, R. Alosco 2, K. Arvanitakis 11, R. Camilleri, O. Shamala 2.

Victoria Libertas: W. Spiteri, M. Farrugia 13, D. Agius 12, K. Galea, N. Petrucci 2, S. Mizzi, D. Miani 4, E. Lupo 1, V. Barbu,  M. Agius, B. Soler 3.

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Emanuel Mangani.

Balkan Fusion 83

 

Depiro 77

(23-27)(17-15)(22-21)(21-14)

Kuntlarju għal ta’ qabilha, din kienet partita stupenda  u laħqet l-aspettativi li kien hemm għalijha bejn żewġ timijiet ta’ livell. Depiro kienu għadhom bla telfa però ġew megħluba minn Balkan Fusion 83-77 biex issa l-Balkani qabżu fl-ewwel post. Iż-żewġ timijiet offrew basketball ta’ livell għoli bi players jispikkaw fuq iż-żewġ naħat. Depiro ħadu l-ewwel vantaġġ 12-4 wara trippli minn Nicholas Grech u Matthew Borg u l-punti tal-barranin tagħhom Adam Chomo u Jack Nygaard. Balkans bdew ġejjin lura bil-punti ta’ Nikola Stankovic u Sergi Jorben. Is-sessjoni kompliet tkun missielta biż-żewġ timijiet iwieġbu lil xulxin bit-three pointers minn Nygaard u Stankovic fuq kull naħa biex Depiro temmew il-perjodu 27-23 minn fuq. Fit-tieni sessjoni r-ritmu naqas xi ftit. Balkan kellhom run ta’ 10-0 bil-punti ta’ Stankovic u Jorben flimkien ma’ Bogdan Ilic biex għall-ewwel darba marru minn fuq. Depiro waqqfuhom b’basket ta’ Chomo qabel ma Balkan kisbu 5 punti oħra biex baqgħu 7 minn fuq. Depiro temmew it-taqsima bl-aqwa mod meta għamlu run ta’ 9-0 fosthom trippla ta’ Kurt Xuereb biex daħlu jistrieħu 42-40 minn fuq.

Il-ftuħ tat-tielet sessjoni kien bilanċjat bid-Depiro jżidu d-distakk bi trippla oħra ta’ Nygaard. Huma komplew b’run ta’ 9-0 b’Nygaard u Chomo jaqsmu l-punti. Balkan ma ċedewx u rrispondew b’run ta’ 11-2 minn Ilic, Stankovic u Slavko Opojevlic. Depiro kellhom trippla oħra minn Xuereb biex temmew is-sessjoni punti minn fuq 63-62. Balkan ħadu l-vantaġġ fil-ftuħ tal-aħħar taqsima wara break qasir ta’ 7-0. Depiro wieġbu bil-punti ta’ Xuereb li kellhu trippla oħra però punti ta’ Ilic ħallew lil Balkan b’vantaġġ żgħir. Il-partita kompliet tkun missielta però Depio qatt ma reġgħu ħadu l-vantaġġ għalkemm għal darbtejn waslu sa’ basket ‘l bogħod. Żewġ żbalji ta’ Depiro fl-aħħar ħinijiet komplew isaħħu l-vantaġġ ta’ Balkans li finalment ħarġu rebbieħa 83-77.

Balkan Fusion: N. Radicevic 2, M. Stjepanovic 1, B. Ilic 12, I. Kumric 3, S. Opojevlic 14, S. Jorben 20, B. Mrkojevic 4, N, Bukva 2, V. Lekovic, N. Stankovic 25.

 

Depiro: M. Brincat, M. Mallia, M. Debattista,  J. Vibe,  A. Attard, N. Grech 7, J. Camilleri, J. Nygaard 25, A. Chomo 18, K. Xuereb 14, M. Borg 13, E. Briffa.

Referees: Nicky Azzopardi, Kamil Dworniczak.

Luxol 86

 

Hibs 54

(17-11)(23-12)(21-19)(25-12)

Luxol irritornaw għar-rebħ wara żewġ telfiet meta għelbu lil Hibs 86-54. Hibs issa orfni mit-Taljan Luca Tardito li jidher li se jkun utiliżżat fl-ewwel diviżjoniu n-nuqqas tiegħu inħass ferm speċjalment taħt il-boards. Iż-żewġ timijiet kellhom players ġodda għal din il-partita fejn Luxol irreġistraw lil Adrian Micallef fil-waqt li Hibs kellhom lura lil Stefan Vella. Luxol ħadu l-vantaġġ sa’ mill-ewwel ħinijiet permezz ta’ Vukassin Jandric u Keith Dimech għalkemm Hibs baqgħu viċin wara trippla ta’ Kurt Sultana. Luxol komplew bi break qasir ta’ 8-2 bl-ewwel punti ta’ Micallef għal skor ta’ 17-11. Luxol fetħu t-tieni taqsima b’żewġ trippli minn Dimech u Jandric. Wara risposta ta’ Hibs minn Ricky Aquilina, Luxol komplew b’run ta’ 11-0 bi trippla ta’ Juan Navarrou fetħu vantaġġ doppju 36-18. Sal-intervall Hibs naqqsu d-distakk bi trippla ta’ Vella għal skor ta’ 40-23.

Fit-tielet taqsima, reġgħu kienu Luxol li fetħu tajjeb bi break ta’ 9-0 bi trippla ta’ Clayton Calleja. Hibs wieġbu bil-punti ta’ Sultana però Luxol komplew jikkontrollaw il-partita u jżidu l-vantaġġ. Hibs kellhom żewġ trippli minn Isaac Bonett u Kieron Caruana għal skor ta’ 61-40 fi tmiem is-sessjoni. Luxol fetħu l-aħħar taqsima b’aktar punti minn Jandric għalkemm Caruana rrisponda għal Hibs b’żewġ trippli konsekuttivi. Hawn però Luxol għalqu definittivament il-partita meta għamlu run ta’ 16-2 b’aktar punti minn Jandric, Micallef, Calleja u trippla oħra ta’ Navarro. L-aħħar punti ġew minn Michael Sjoberg għal Luxol li rebħu l-partita 86-54.

Luxol: V. Jandric 37, I. El Gabaily 2, J. Cefai, K. Dimech 17, C. Calleja 6, M. Sjoberg 5, J. Navarro 9, A. Micallef 10, M. Steenkamer.

 

Hibs: S. Vella 3, M. Formosa 6, K. Sultana 12, A. Galea 2, P. Attard 2, I. Bonett 11, E. Xuereb 3, J. Piscopo, K. Caruana 15, M. Houmpton 2, R. Aquilina 4.

Referees: Nicky Azzopardi, Emanuel Mangani.

Starlites 51

Gżira Athleta 82

(13-19)(10-18)(10-23)(18-22)

Gżira Athleta żammew il-pass mat-timijiet ta’ fuq

Ritratt: Wally Galea

meta għelbu lil Starlites 82-51. Athleta żiedu lil player Spanjol Albert Serra fl-iskwadra tagħhom u l-player ħalla mpressjoni tajba fejn fost l-oħrajn kellhu 27 rebound, 8 assists u 26 punt. Starlites kienu mingħajr Alex Xuereb u għal xi waqtiet kellhom wisq logħob individwali u magħġġel. Athleta fetħu vantaġġ żgħir ta’ 10-4 bl-ewwel punti ta’ Serra flimkien ma’ Luca Stefanovic u Nathan Xuereb. Starlites wieġbu bi trippla ta’ Matthew Scerri u punti ta’ Ryan Carabott. Athleta kellhom il-punti ta’ Stefan Vincic biex temmew is-sessjoni 19-13 minn fuq. Athleta fetħu t-tieni perjodu b’run ta’ 14-0 b’aktar punti ta’ Serra u Vincic. Il-coach ta’ Starlites bidel il-players kollha u għamlu run ta’ 8-0 b’żewġ trippli minn Owen Psaila. Athleta komplew b’żewġ baskets oħra biex daħlu jistrieħu 37-23 minn fuq.

Fit-tielet taqsima, wara basket fuq kull naħa, Athleta għamlu run qawwija ta’ 21-4 fejn kellhom diversi punti minn Serra u Xuereb li kellhu wkoll trippla. Starlites kellhom żewġ baskets minn Carabott però Athleta kellhom vantaġġ komdu ta’ 27 punt 60-33. L-aħħar sessjoni kompliet bl-istess andament hekk kif Athleta bdew b’run ta’ 15-2 minkejja li kellhom diversi players ta’ fuq il-bank jilghabu. Huma kellhom il-punti ta’ Mark Cilia u Nicolai Henriksen fost l-oħrajn. Lejn it-tmiem Starlites kellhom seba’ punti mingħajr risposta bi trippla ta’ Ian Felice Pace biex Athleta ħarġu rebbieħa 82-51.

Starlites: O. Psaila 10, M. Azzopardi 6, L. Vella 2, I. Felice Pace 8, M. Scerri 5, R. Carabott 12, J. Attard 2, I. Pace 4, J. Wait, A. Schembri 2.

Gżira Athleta: N. Henriksen 4, M. Guisti 4, A. Serra 26, J. Neto 2, L. Stefanovic 8, M. Gauchi Montaldo, N. Xuereb 9, J. Aquilina 6, B. Bartolo, S. Vincic 12, J. Ransley, M. Cilia 11.

Referees: Nicky Azzopardi, Brian Sly.

Klassifika Kampjonat BOV Tieni Diviżjoni

Team Logħob Rebħ Telf Punti Favur Kontra
Balkan Fusion

7

6

1

13

537

356

Depiro

7

6

1

13

560

461

Luxol

7

5

2

12

527

501

Gżira Athleta

6

4

2

10

426

378

Hibernians

6

4

2

10

383

378

Siġġiewi

7

2

5

9

407

491

Startlites

6

2

4

8

351

410

Victoria Libertas

6

1

6

8

335

422

Marvels Power Plus

7

0

7

7

350

479

 


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/balkan-fusion-jirbhu-l-konfront-dirett/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.