Balkan Fusion jerbħu l-ewwel unur tagħhom

Saturday, November 18, 2017, 21:27

St. James Hospital Shield Irġiel 2 Diviżjoni – FINALI

minn Colin Schembri

Balkan Fusion 60

Luxol 51

(19-11)(16-12)(13-10)(12-18)

Balkan Fusion kisbu l-ewwel unur tagħhom fil-basketball lokali meta fil-finali tas-St. James Hospital Shield għelbu lil Luxol 60-51. Balkan kienu minn fuq sa’ mill-ewwel minuti tal-partita però Luxol kellhom wirja qalbiena fejn tħabtu u saħansitra rnexxielhom jaslu sa’ 4 punti taħt l-avversarji. Balkan kellhom nieqes lil Slavko Opojevlic nieqes fil-waqt li għal Luxol reġa’ deher Clayton Calleja. Balkan marru 13-2 minn fuq fil-bidu tal-partita bi trippli ta’ Nicola Stankovic u Sergi Jorben. Luxol waqqfuhom bi trippla ta’ Merlin Blazquez iżda Balkan kellhom il-punti minn Bogdan Ilic, Alex Perunicic u Stankovic biex temmew l-ewwel sessjoni 19-11 minn fuq. Fil-ftuħ tat-tieni sessjoni, Balkan komplew b’sitt punti mingħajr risposta. Hawn Luxol kellhom mument tajjeb bit-trippli ta’ Vukassin Jandric u Keith Dimech u waslu sa’ 4 punti ‘l bogħod 21-25. Hawn Balkan għamlu run oħra ta’ 8-0 li bdewha bi trippla ta’ Ivan Kumric biex daħlu jistrieħu 35-23 minn fuq.

It-tielet taqsima fetħet b’basket fuq kull naħa qabel ma Luxol għamlu ħames punti minn Jandric, bi trippla oħra, biex id-distakk niżel għal seba’ punti 30-37. Balkan irrispondew bi tmien punti mingħajr risposta biex baqgħu fil-kontroll tal-partita. Huma kellhom trippla oħra minn Jorben biex temmew it-taqsima 15 –il punt minn fuq 48-33. Luxol kellhom bidu tajjeb tal-aħħar taqsima bi break ta’ 13-2 bi trippla ta’ Dimech u waslu sa’ sitt punti ‘l bogħod 46-42. Balkan kellhom il-punti ta’ Stankovic però punti ta’ Merlin Blazquez u trippla ta Ben Caruana Montaldo taw tama lil Luxol hekk kif naqqsu d-distakk għal erba’ punti 51-55. Luxol bdew iwaqqfu l-arloġġ bil-fouls però Balkan bdew jagħmlu l-freethrows biex ikontrollaw l-aħħar sekondi tal-partita u ħarġu rebbieħa 60-51. Fi tmiem il-partita, is-Segretarju Ġenerali tal-MBA Joseph Muscat ippreżenta t-tazza lil captain ta’ Balkan Zika Stankovic.

Balkan Fusion: N. Radicevic 8, B. Ilic 3, I. Kumric 4, A. Perunicic 6, S. Jorben 16, Z. Stankovic 2, N. Bukva, V. Lekovic, N. Stankovic 13, M. Hernandez 8.

Luxol: M. Blazquez 13, L. Caruana Monaldo, V. Jandric 21, K. Camilleri, B. Caruana Monaldo 3, P. Cefai, K. Dimech 12, M. Sojberg 2, C. Calleja, J. Navarro, R. Falzon, M. Steenkamer.

Referees: Bernard Vassallo, Jason Cole, Brian Sly.





Leave a comment