Baldacchino fit-tielet tappa tal-Kampjonat tal-Mediterran

Thursday, August 30, 2018, 8:31

Il-Ħamis waranofsinhar is-sewwieq tat-tiġrijiet taż-żwiemel Noel Baldacchino telaq lejn is-Serbja sabiex is-Sibt jirrappreżenta lil pajjiżna fit-tielet tappa tal-Kampjonat tal-Mediterran għas-Sewwieqa tat-Trot.

Akkumpanjat miċ-Ċermen tal-Malta Racing Club is-Sur Edwin Borg, Baldacchino qed jaspira li jkompli fejn ħallew il-kollegi tiegħu hekk kif dawn għollew il-bandiera Maltija fl-ewwel żewġ tappi li saru f’Malta u r-Russja.

It-tiġrija ser issir fil-Korsa ta’ Pozarevac Hipodrom KD “Knez Mihailo” u fiha apparti Baldacchino għal Malta ser jieħdu sehem Martin Cormy (Franza), Francesco La Rosa (Italja), Bolshakov Grenadii (Russja) u Branislav Mukic (Serbja).  Barra minn hekk ġew mistiedna wkoll sewwieqa mill-Irlanda, Rumanija u l-Bulgarija bħala mistiednin speċjali.

Fit-tiġrija fuq distanza ta’ 1600m hemm miktuba dwieb Franċiżi pero dawn jiġu abbinati mal-ġerrejja is-Sibt stess.





Leave a comment