- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

AUTOCROSS FINAL NHAR IS-SIBT LI ĠEJ

Posted By Sportinmalta On May 30, 2018 @ 8:11 am In Featured,Motorsport | No Comments

Nhar is-Sibt li ġej, l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi se tkun qed torganizza il-Finali Autocross Modified tat-tiġrija li saret fis-26 ta’ Novembru 2017. Dakinhar kien daħal il-ħin u l-programm kellu jitwaqqaf. Il-finali ta’ nhar is-Sibt tibda fis-6. 00pm u d-dħul ikun b’xejn.

Il-finalisti huma: Ryan Scerri fuq Opel Corsa, Jean Paul Grech fuq Peugeot 106, Gordon Johnson fuq Opel Corsa, Vince Farrugia fuq Volkswagen Polo, Noel Zammit fuq Fiat Punto u Andrew Pisani fuq Vauxhall Nova.

Nhar is-Sibt li għadda l-Assoċjazzjoni organizzat it-tmien attività mill-Kampjonat Nazzjonali Honda Motocross 2017/2018 fejn b’kollox irreġistraw 14 il-mutur maqsuma fit-tliet klassijiet.

Fil-Motocross Class A, Paul Muscat fuq Yamaha rebaħ din il-klassi segwit minn Kyle Camilleri fuq KTM li daħal fit-tieni post, filwaqt li fit-tielet post spiċċa Clayton Camilleri fuq KTM. Fir-raba’ u l-ħames postijiet daħlu Trevor Muscat fuq Husqvarna u Mark Mamo fuq Yamaha.

Fil-Motocross Class B, Michael Sant fuq Husqvarna rebaħ din il-klassi segwit minn Clinton Calleja fuq Yamaha. Fil-Klassi Veterani Jetro Sant fuq Yamaha ħareġ rebbieħ segwit minn Paul Deguara fuq KTM filwaqt li fit-tielet post spiċċa William Sant fuq Honda.

Attività oħra Motocross mistenija ssir nhar is-Sibt 16 ta Ġunju 2018. Filwaqt l-Assoċjazzjoni tħabbar xi tibdiliet fil-programm għal matul is-sajf, fejn l-aħħar attività tal-istaġun bil-karozzi ser issir is-Sibt 7 ta’ Lulju 2018. F’din l-attività ħa tkun organizzata wkoll Demolition tal-Vanijiet. Dakinhar il-program jibda fis-7. 00pm bil-karozzi Autocross u jispiċċa bid-Demolition li tibda fil-11.00pm

L-Assoċjazzjoni tħabbar ukoll li l-aħħar ċans biex wieħed jirreġistra għad-Demolition tal-Vanijiet huwa nhar il-Ħamis 14 ta’ Ġunju 2018 fil-clubhouse tal-ASMK l-Imtarfa. Il-laqgħa tibda fit-8.00pm.

Għal aktar informazzjoni idħlu fuq is-sit elettroniku tal-Assoċjazzjoni li hu www.asmk.org.mt jew fil-paġni ta’ Facebook A.S.M.K. Malta jew Assocjazzjoni Sport Muturi u Karozzi. Wieħed jista jagħmel kuntatt bl-email info@asmk.org.mt jew Mobile 9942 5489.

Rittrati ta’ Mario Micallef


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/autocross-final-nhar-is-sibt-li-gej/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.