Attivita’ sportiva għall-familja kollha nhar il -Ħadd li ġej – Warming up għaċ-charity fun run tat-2 ta’ Diċembru

Thursday, November 22, 2012, 13:12

Nhar il-Ħadd li ġej ser issir attività sportiva għall-familja kollha f’kumpless sportiv f’Ta’ Qali.  L-attività, organizzata mill-Ministeru għas-Saħħa, għandha l-iskop li tħajjar lill-pubbliku in ġenerali sabiex isib bilanċ bejn il-ħajja ta’ kuljum u l-attività fiżika, partikolarment fi żmien il-festi, li matulu jiżdied il-konsum ta’ ħelu.

 

Il-Ministru Joe Cassar qal li l-Ministeru ħass il-bżonn li jorganiżża attività simili sabiex kulħadd jirrealizza li tista’ tagħmel bidla kbira f’ħajtek permezz ta’ eżerċizzju varjat.  Hu qal li llum hawn aktar ċentri sportivi u aktar possibilitajiet sabiex wieħed iżomm ruħu attiv.  Filwaqt li dan imur id f’id mal-istrateġija nazzjonali dwar l-obeżità, dan jipprovdi wkoll l-opportunità ta’ eżerċizzju lill-persuni ta’ etajiet differenti.

 

 Il-Ministru qal ukoll li din l-attività qed ssir ukoll viċin l-Istrina tista’ tiġi użata bħala warming-up­ għall-dawk kollha li se jieħdu sehem fil-President’s Charity Fun Run li ser issir ġimgħa wara din l-attività. Il-Ministru Cassar qal li din hi okkażjoni li tagħmel sessjoni ta’ training flimkien ma’ professjonisti li jwasslulek pariri dwar kif tagħmel l-aħjar użu mit-taħriġ. 

 

Fil-fatt diversi professjonisti sportivi u dawk tas-saħħa se jkunu fiċ-ċentru sportiv f’Ta’ Qali għal matul l-attività.   

 

Dr Charmaine Gauci, Direttur tad-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni tal-Mard saħħqet dwar l-importanza ta’ dawn it-tip ta’ sessjonijiet. Hi qalet ukoll li matul l-attività se jkun hemm sessjonijiet tal-Aerobics, Zumba Atomic, Spinning u oħrajn.  Fl-istess waqt se jkun hemm ukoll servizzi tas-saħħa bħal dak tal-BMI, pressjoni u zokkor kif ukoll nutrionists.  

 

L-attività, li qed issir b’risq l-Istrina, ser issir fit-Ta’ Qali Health and Fitness Centre nhar il-Ħadd li ġej bejn is-sagħtejn u l-ħamsa ta’ wara nofsinhar. Minħabba il-kassijiet varji li ser isisru ikun aħjar li jsir booking minn qabel fuq23266000, minn fejn wieħed jista’ jikseb ukoll aktar informazzjoni.

 

 

 





Leave a comment