Attività fiżika – żdiedu l-parteċipanti, żdiedu l-attivitajiet, b’inqas spejjeż

Tuesday, July 16, 2013, 10:45

Rekord ta’ parteċipanti fi programm sportiv għas-sajf, b’3500 persuna ser jieħdu sehem fl-edizjoni ta’ din is-sena Summer on the Move. L-iżgħar persuna tkun ta’ 4 snin u l-akbar wieħed 67 sena. Dan hu rekord ta’ persuni li se jieħdu sehem f’dan il-programm ta’ attività fiżika f’dixxiplini diversi li jinkludi l-għawm,ibburdjar, basketball, żfin, table-tennis u aktar. Dan tħabbar waqt żjara li għamel is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni iż-Żgħażagħ u lIsport, Stefan Buontempo, fil-Pixxina Nazzjonali waqt il-bidu ta’ Summer on the Move, programm sportiv għal kulħadd organizzat mill-Kunsill Malti għall-Isport.

Is-Segretarju Parlamentari Buontempo qal li din is-sena huwa ta’ sodisfazzjon kbir li għalkemm żdiedu n-numru ta’ parteċipanti f’dan il-programm, u żdiedu wkoll id-dixxiplini sportivi, l-ispiża għal dan il-programm, €310,000, ser tkun listess daqs is-sena l-oħra fejn kien hemm 3000 persuna. Dan jindika li bl-istess spiża ser jibbenefikaw b’madwar 500 persuna. Buontempo kompla jgħid, li din hija xhieda tal-għaqal ta’ dan il-Gvern, li bi tnaqqis ta’ burokrazija żejda, l-użu tat-teknoloġija fejn 40% tal-bookings saru online, u l-aħjar użu tal-equiment, se jkun hemm valur akbar għall-investiment li qed isir.

Buontempo qal li din is-sena ser ikun hemm aktar kowċis u ser ikunu kwalifikati, għax l-għażla kienet ibbażata fuq il-kwalifiki biex jiġi assigurat standard għoli.

Fl-aħħar nett Buontempo appella biex fi programm bħal dan jieħu sehem kulħadd, ta’ kull età. Dan mhux programm għat-tfal jew għaż-żgħażagħ biss,imma wkoll għall-anzjani. Dan hu l-impenn tal-Gvern li jkollna soċjetà aktar attiva.





Leave a comment