- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

AtoZ Electronics Athleta jiftħu vantaġġ ta’ 13 –il punt

Posted By sportinmalta1 On March 17, 2014 @ 6:13 pm In Basketball,Featured | No Comments

TAZZA LOUIS BORG IRĠIEL

minn Colin Schembri

AtoZ Electronics Athleta 91

Bupa Luxol 78

(25-28)(15-13)(21-22)(30-15)

AtoZ Electronics Athleta fetħu vantaġġ ta’ 13 –il punt fi tmiem l-ewwel leg tal-finali tat-tazza Louis Borg meta għelbu lil Bupa Luxol 91-78. Sat-tielet minuta tal-aħħar sessjoni l-partita ma kienitx tidher li se tkun deċiża b’dan il-mod għaliex għal ħin twil iż-żewġ timijiet kienu viċin ta’ xulxin. Biss fl-aħħar taqsima, in-nuqqas ta’ Samuel Deguara għal xi ħin minħabba l-fouls flimkien mal-ħruġ mill-court ta’ Jean Paul Schembri wara żewġ un-sportsmanlike fouls ħarbtu l-pjanijiet ta’ Luxol. Athleta għandhom il-mertu li approfittaw minn dawn in-nuqqasijiet bis-saħħa tat-trio meraviljuż għad-dispozizzjoni tal-coach Joe Galea: Micheal Naudi, Steve Schembri u l-Kanadiż Chad Patus li rritorna wara żewġ partiti ta’ mistrieħ. Magħhom jingħaqdu David Bugeja u Omar Said li alternaw il-partita b’waqtiet tajbin u oħrajn inqas. Luxol ħadu l-ewwel vantaġġ wara punti minn Marco Mercieca u Adrian Micallef però Athleta wieġbu bi trippla ta’ Steve Schembri flimkien ma’ Said, Bugeja u Naudi u fil-ħames minuta dawru l-iskor favur tagħhom 9-7. Huma komplew ikabbru l-vantaġġ wara break ta’ 8-2 biex fis-seba’ minuta kienu 17-11 minn fuq. Hawn waslet rimonta sabiħa minn Luxol b’punti ta’ Deguara u l-Amerikan Michael Myres Keitt speċjalment wara sensiela ta’ free-throws fuq technical fouls imsaffra kontra Athleta biex ħadu vantaġġ ta’ 6 punti 25-19. Athleta wieġbu bil-punti ta’ Patus u Naudi però Luxol għamlu trippla minn Nikola Vasovic qabel intemmet is-sessjoni biex marru minn fuq 28-25. Fit-tieni perjodu r-ritmu naqas xi ftit għalkemm Luxol kellhom run oħra ta’ 8-1 bi tlett baskets ta’ Deguara għal skor ta’ 36-30. Schembri għamel trippla għall-Athleta però Vasovic ukoll għamel trippla oħra biex il-vantaġġ ta’ Luxol kiber għal 8 punti. Fl-aħħar minuta u nofs tat-taqsima, Athleta kellhom seba’ punti mingħajr risposta fosthom trippla ta’ Patus biex fl-intervall punt biss kien jifred liż-żewġ timijiet 41-40.

Fit-tielet taqsima, Athleta bdew bi tlett baskets konsekuttivi minn Schembri u Naudi. Luxol wieġbu mmedjatament bi tmien punti mingħajr risposta u l-vantaġġ reġa’ nbidel din id-darba favur Luxol. Iż-żewġ timijiet baqgħu jirrispondu lil xulxin għalkemm Luxol kellhom it-trippli ta’ Schembri u Vasovic bil-Luxol iżommu vantaġġ ta’ basket 55-53. Id-distakk baqa’ l-istess sal-aħħar tal-perjodu wara l-punti ta’ Myres Keitt u Deguara għal Luxol u Patus, Naudi u Schembri favur Athleta. Fl-aħħar perjodu, Luxol baqgħu minn fuq sat-tielet minuta wara trippla oħra ta’ Schembri li però wara kkometta t-tieni foul anti-sportiv biex b’hekk kellu jinbidel. Athlea kellhom run ta’ 16-4 b’Said u Schembri jagħmlu trippla kull wieħed flimkien ma’ aktar punti minn Patus, Bugeja u Naudi. Huma fetħu vantaġġ ta’ 16 –il punt 86-72 però lejn tmiem Luxol kellhom il-punti ta’ Micallef u Vasovic biex naqqsu d-distakk għal 11 –il punt u t-tieni leg se jibda bl-Athleta fuq quddiem 91-78.

AtoZ Electronics Athleta: M. Naudi 23, M. Krastev, D. Bugeja 12, C. Patus 26, C. Galea, O. Said 7, S. Pace, D. Ross, K. Baldacchino 2, S. Bischoff, S. Schembri 21.

Bupa Luxol: C.J. Cordina 2,  M. Mercieca 9, A. Micallef 6, N. Andrejevic, J. Willoughby, J.P. Schembri 6, N. Vasovic 13, J.P. Bonnici, M. Myres Keitt 11, A.Micallef Trigona 6, S. Deguara 25, S. Capello.

Referees: Gordon Barbara, Emanuel Mangani, Teemu Helenius.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/atoz-electronics-athleta-jifthu-vantagg-ta-13-il-punt/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.