- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

AtoZ Electronics Athleta jerbħu t-tielet unur tal-istaġun

Posted By sportinmalta1 On December 22, 2014 @ 10:55 pm In Basketball,Featured | No Comments

TAZZA LOUIS BORG IRĠIEL

minn Colin Schembri

A to Z ElectronicsAthleta 81

Floriana Cafè Del Mar 55

(10-19)(22-5)(20-11)(29-20)

Ic-champions AtoZ Electronics Athleta fetħu vantaġġ tajjeb fit-tmiem l-ewwel finali tat-tazza Louis Borg kontra Floriana Cafè Del Mar. It-team Furjaniż li kien mingħajr Dirk Schembri, kellhu bidu verament tajjeb però mal-ħin sfaxxa u Athleta ħadu kontroll assolut tal-partita. Partita diżappuntanti għal Nick Oudendag fejn ħafna aktar kien mistenni minn dan il-player internazzjonali Olandiż li però f’xi waqtiet kien maqtugħ mill-partita u ftit li xejn irċieva blalen. Intant kienu Athleta li ħadu l-ewwel vantaġġ wara punti minn Chad Patus u trippla ta’ Omar Said. Floriana kellhom l-aqwa mument f’din il-finali meta għamlu run ta’ 15-2 b’diversi punti ta’ Lee Ross fosthom trippla flimkien ma’ Nigel Sultana, Sean Borg u Nikola Vasovic biex temmew it-taqsima 19-10 minn fuq. Athleta bdew it-tieni sessjoni b’żewġ baskets ta’ Michael Naudi bil-Floriana jkollhom jistennew sal-ħames minuta biex kisbu l-ewwel punti tagħhom minn Vasovic. Hawn wasal mument mill-aqwa mic-champions li ħadu l-partita f’idejhom fejn għamlu run ta’ 12-0 b’disa’ punti minn Patus fosthom trippla. Floriana ma setgħux jirrispondu ħlief bi tlett punti oħra ta’ Vasovic però qabel l-intervall Athleta kellhom żewġ three pointers minn Steve Schembri u Patus għal skor ta’ 32-24.

Wara l-intervall, Athleta bdew bi trippla ta’ Andrew Aquilina u basket ta’ Steve Schembri. Ir-risposta Furjaniża ġiet minn basket ta’ Ross u Oudendag però minn hemm ‘l quddiem Athleta reġgħu ħadu l-kontroll tal-partita b’aktar punti minn Patus, Aquilina u Schembri. Said kompla bi trippla għac-champions flimkien ma’ Naudi biex Athleta temmew is-sessjoni 52-35 minn fuq. Fl-aħħar taqsima, stennejna reazzjoni finali minn naħa ta’ Floriana li però waqfu għal kollox u ħallew ir-riedni tal-partita f’idejn l- Athleta. Athleta approfittaw u kellhom run oħra ta’ 17-2 bil-punti ta’ Naudi, Andrew Aquilina u Patus bi trippla biex komplew iżidu l-vantaġġ u għamlu kważi ċert mir-rebħ tal-unur meta ħarġu rebbieħa 81-55 u bdew it-tieni leg 26 punt minn fuq.

A to Z Electronics Athleta: M. Naudi 21, R. Vella 3, C. Patus 26, A. Aquilina 9, M. G. Montaldo, O. Said 10, M. Gouder, I. Tanti 2, S.Schembri 10.

Floriana Cafe Del Mar: N. Oudendag 6, L. Ross 17, N. Sultana 6, S. Borg 4, N. Vasovic 16, C. Calleja, O. Shamala 2, D. Agius 4.

Referees: Bernard Vassallo, Clive Terribile, Zvezdan Dobrosaviljevic.

Floriana Cafè Del Mar 66

AtoZ ElectronicsAthleta 91

(16-13)(17-26)(17-17)(16-35)

B’vantaġġ komdu ta’ 26 punt ic-champions A to Z Electronics Athleta kienu kważi ċerti mir-rebħ tat-tazza Louis Borg għat-tmien darba fl-istorja tagħhom. Dan però ma żammomhx milli jerbħu wkoll it-tieni finali kontra Floriana Cafe Del Mar bl-iskor ta’ 91-66. Floriana kienu b’sitt players hekk kif Oudendag ma kienx magħjjat għal din il-partita u Nigel Sultana weġġa’ fl-ewwel finali. Però l-wirja ta’ Floriana minkejja t-telfa kważi bl-istess distakk kienet ferm aħjar minn ta’ qabilha u dan kien aprezzat mill-partitarji Furjaniżi preżenti.  Floriana reġgħu bdew tajjeb u fl-ewwel sessjoni żammew il-pass ma’ l-avversarji fejn tul is-sessjoni kollha kienu minn fuq u temmewha b’vantaġġ ta’ tlett punti 16-13. Fit-tieni perjodu wara aktar punti minn Lee Ross u Sean Borg, Floriana kabbru l-vantaġġ għal sitt punti 24-18. Athleta rrispondew hekk kif bil-punti ta’ Chad Patus fosthom trippla flimkien ma’ Michael Naudi ħadu l-vantaġġ. Ross u Roderick Vella kellhom three pointer kull wieħed biex Athleta daħlu jistrieħu fuq quddiem 39-33.

It-tielet taqsima kienet missielta biż-żewġ timijiet jirrispondu lil xulxin kontinwament u l-ebda team ma rnexxielhu jagħmel xi run fuq l-avversarji. Ross flimkien ma’ Nikola Vasovic komplew jirrispondu għal Floriana fil-waqt li c-champions kellhom il-punti kontinwi ta’ Patis flimkien ma’ Isaac Tanti u Omar Said. Kien biss fl-aħħar taqsima fejn l-għajja dehret evidenti fuq in-naħa Furjaniża li l- Athleta rnexxielhom jinqatgħu mill-avversarji. Huma kellhom run ta’ 20-2 li bdewha bi trippla ta’ Roderick Vella u komplew bil-punti ta’ Said u Patus flimkien ma’ Tanti. Wara trippla ta’ Vasovic għal Floriana, Athleta komplew bil-punti tagħhom fosthom taż-żgħażagħ Francesco Mifsud Bonnici u Matthew Gouder li daqu s-suċċess f’din ir-rebħa ta’ 91-66. Kien propju l-istess Mifsud Bonnici li fl-aħħar tal-partita rċieva t-trofew minn għand il-President tal-MBA Paul Sultana biex Athleta ċċelebraw ir-rebħ tat-tielet unur tagħhom dan l-istaġun.

Floriana Cafe Del Mar: L. Ross 30, S. Borg 2, N. Vasovic 22, C. Calleja 10, O. Shamala, D. Agius 2.

A to Z Electronics Athleta: M. Naudi 6, R. Vella 8, F. Mifsud Bonnici 7, C. Patus 36, A. Aquilina 2, M. G. Montaldo, O. Said 11, M. Gouder 6, I. Tanti 15.

Referees: Bernard Vassallo, Gordon Barbara, Emanuel Mangani.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/atoz-electronics-athleta-jerbhu-t-tielet-unur-tal-istagun/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.