AtoZ Electronics Athleta jagħmluhom erbgħa minn erbgħa

Monday, February 24, 2014, 22:49

BANK OF VALLETTA KNOCK OUT IRĠIEL

minn Colin Schembri

AtoZ Electronics Athleta 68

Pavi Depiro 59

(16-7)(17-19)(16-18)(19-15)

AtoZ Electronics Athleta għaqqdu poker tal-unuri meta rebħu l-finali tal-Bank of Valletta Knock out kontra Pavi Depiro 68-59. Dan kien l-għaxar suċċess tal-Athleta f’din il-kompetizzjoni u r-raba’ wieħed fl-aħħar ħames snin. B’dan l-unur Athleta s’issa rebħu l-erba’ kompetizzjonijet li saru wara r-rebħ tal-pre-season tournament, is-Super Cup u s-Shield fil-waqt li jinsabu wkoll fil-finali tat-tazza Louis Borg u ċerti minn post fil-play-offs. Athleta kellhom lura lil Kristen Baldacchino fil-waqt li Abraham Portelli rritorna għal Depiro. Kienu Athleta li ħadu l-ewwel vantaġġ wara l-punti ta’ Omar Said li però kellhu jinbidel matul l-ewwel sessjoni wara li kkometta tlett fouls tnejn minnhom fl-attakk. Depiro sabu diffikulta jinfdu d-difiża organizzata tal-Athleta tant li għamlu biss tlett baskets, tnejn minn Anton Axiaq u ieħor ta’ Portelli. Athleta kellhom il-punti ta’ Michael Naudi u Chad Patus flimkien ma’ trippla ta’ Steve Schembri biex temmew l-ewwel sessjoni 16-7 minn fuq. Fit-tieni sessjoni, wara basket ieħor ta’ Naudi, Depiro wieġbu bi break ta’ 8-2 bl-ewwel punti tal-Awstraljan Matthew Adekponya. Roderick Vella għamel trippla biex kompla jnaqqas id-distakk però Athleta kellhom iktar punti minn Patus flimkien ma’ Naudi u Shawn Pace biex reġgħu marru 11 minn fuq 33-22. Qabel intemmet it-taqsima, Depiro għamlu żewġ baskets minn Isaac Tanti u Adekponya biex fl-intervall Athleta kienu seba’ punti minn fuq 33-26.

Depiro kellhom bidu mill-aqwa fit-tielet sessjoni meta ħasdu lill-avversarji b’ħames baskets konsekuttivi. Dawn waslu minn Adekponya, Vella u Axiaq bil-coach tal- Athleta Joe Galea jagħjjat time-out immedjatament. Hawn Athleta wettqu reazzjoni b’Patus jagħmel seba’ punti konsekuttivi biex reġa’ tahom il-vantaġġ. Kien imiss lil Mario Tabone jagħjjat it-time-out però Naudi kompla jżid il-vantaġġ tal-Athleta b’Said ikollu trippla oħra biex is-sessjoni ntemmet bl-Athleta ħamsa minn fuq 49-44. Id-distakk baqa’ ta’ 5 punti sat-tielet minuta 52-47 favur Athleta. Fil-ħames minuta Athleta bdew run deċisiva ta’ 9-0 fejn Schembri kellhu ħames punti fosthom trippla u basjets ta’ Patus u David Bugeha. Depiro sfurzaw biex jergħu jidħlu lura fil-partita iżda minkejja li kellhom trippla minn Samuel Bartolo, Athleta setgħu jikkontrollaw l-aħħar sekondi biex rebħu l-partita 68-59. Fi tmiem il-partita s-Sur Peter Perotti Chief Officer ta’ Bank of Valletta ppreżenta t-trofew lil captain Michael Naudi fost il-ferħ tal-players u s-supporters tal-Athleta.

AtoZ Electronics Athleta: M. Naudi 18, D. Bugeja 4, C. Patus 18, C. Galea, W. Spiteri, O. Said 10,  S. Pace 2, K. Baldacchino 2, S. Bischoff, S. Schembri 14.

Pavi Depiro: R. Vella 14, M. Adekponya 13, N. Sultana 8, A. Aquilina, A. Portelli 6, S.P. Bartolo 6, A. Axiaq 10, E. Lupo, I. Tanti 2, M. Agius.

Referees: Bernard Vassallo, Emanuel Mangani, Clive Terribile.





Leave a comment