- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

AtoZ Electronics Athleta it-tieni finalisti wara partita mill-isbaħ

Posted By sportinmalta1 On April 6, 2014 @ 11:46 pm In Basketball,Featured | No Comments

KAMPJONAT BANK OF VALLETTA IRĠIEL PLAYOFFS

minn Colin Schembri

AtoZ Electronics Athleta 87

Remax Citadel Siġġiewi 80

(26-14)(18-31)(25-24)(18-11)

AtoZ Electronics Athleta saru t-tieni finalisti tal-kampjonat Bank of Valletta fejn jistennewhom hemm il-ġirien u r-rivali Bupa Luxol. Huma għelbu lil Remax Citadel Siġġiewi 87-80 wara partita mill-isbaħ u li ħalliet lil attendenza numeruża fuq ix-xwiek sal-aħħar minuti. Siġġiewi tilfu lil Steve Sammut fit-tieni sessjoni u n-nuqqas tiegħhu inħass ferm speċjalment fl-attakk. Athleta kellhom lis-soliti Micheal Naudi u Chad Patus stupendi fl-attakk fil-waqt li anke David Bugeja u Omar Said kellhom wirja posittiva. Ħafna mill-piż tal-attakk ta’ Siġġiewi wara l-injury ta’ Sammut waqa’ fuq Lee Ross fil-waqt li Chris Meier beda jbati fid-difiża fuq Naudi b’dan tal-aħħar joħodlu wkoll diversi offensive rebounds. Il-partita bdiet b’xi żbalji minn Siġġiewi bl-Athleta japprofittaw u jmorru 6-0 minn fuq. Siġġiewi rrispondew minn Marco Matijevic u Meier iżda Athleta żiedu l-vantaġġ bil-baskets ta’ Naudi, Patus Steve Schembri. Athleta fetħu vantaġġ ta’ 13 –il punt 21-8 wara freethrows ta’ Patus u Bugeja però qabel intemmet is-sessjoni Sammut għamel trippla għal Siġġiewi biex Athleta temmew is-sessjoni 26-14 minn fuq. It-tieni sessjoni kienet storja differenti għaliex Siġġiewi bdewha b’run ta’ 17-2 biex dawwru l-iskor favur tagħhom 31-28. Huma kellhom il-punti ta’ Ross, Hoger u Meier fost l-oħrajn b’dan tal-aħħar jagħlaq bi trippla. Athleta wieġbu bi break ta’ 8-2 b’żewġ baskets ta’ Naudi flimkien ma’ Patus u Kristen Baldacchino. Siġġiewi kellhom risposta mmedjata bi break ta’ 10-2 b’żewġ trippli ta’ Ross biex reġgħu ħadu vantaġġ ta’ 5 punti 43-38. Athleta wieġbu bil-punti ta’ Patus u basket minn Shawn Pace wara żball ta’ Meier biex fl-intervall Siġġiewi kienu punt minn fuq 45-44.

It-tielet perjodu fetaħ bi trippla ta’ Ross iżda Athleta kellhom it-three pointers ta’ Patus u reġgħu laħqu lill-avversarji 54-54 fil-waqt li ftit wara punti ta’ Bugeja poġġewhom fuq quddiem. Fis-seba’ minuta Siġġiewi kellhom tmien punti mingħajr risposta biex fetħu vantaġġ ta’ seba’ punti 66-59. Athleta ma ċedewx u f’temp ta’ żewġ minuti reġgħu marru minn fuq bi break ta’ 10-2 b’żewġ trippli minn Pace u Patus iżda free-throw ta’ Hoger ippareġja l-partita 69-69 biex l-aħħar sessjoni kellha tkun deċisiva. L-aħħar taqsima pproduċiet inqas punti hekk kif daħlet il-biża fuq iż-żewġ naħat. Il-vantaġġ beda jibdel l-idejn għal diversi drabi u wara li Naudi poġġa lil Athleta minn fuq però Ross kellhu t-three pointers u fis-sitt minuta Siġġiewi kienu 77-75 minn fuq. Athleta kellhom ħames punti minn Naudi u Bugeja biex marru 4 minn fuq u għalkemm Siġġiewi wieġbu għal darbtejn minn Hoger, Athleta għamlu l-aħħar punti minn Schembri, Naudi u Said biex ħarġu rebbieħa 87-80 fost il-ferħ tal-partitarji tagħhom.

AtoZ Electronics Athleta: M. Naudi 23, D. Bugeja 11, C. Patus 30, C. Galea, O. Said 9, S. Pace 5, D. Ross, K. Baldacchino 2, S. Bischoff, S. Schembri 7.

Remax Citadel Siġġiewi: A. Debattista, S. Sammut 7, C. Meier 13,E.Xuereb 2, L. Camilleri 6, A. Borg 1, L. Ross 20, J.P. Antoncic, I. Hoeger 21, M. Mallia, M. Matijevic 10.

Referees: Bernard Vassallo, Clive Terribile, Teemu Helenius

Ritratti: MBA Facebook Page: https://www.facebook.com/media/set/?set=a.509488115823338.1073741923.113448038760683&type=1

Programm tal-Finali:

13-04-2014: 16:30 – Bupa Luxol vs AtoZ Electronics Athleta

16-04-2014: 20:15 – AtoZ Electronics Athleta  vs Bupa Luxol

23-04-2014: 20:15 – Bupa Luxol vs AtoZ Electronics Athleta

27-04-2014: 16:30 – AtoZ Electronics Athleta  vs Bupa Luxol

01-05-2014: 16:30 – Bupa Luxol vs AtoZ Electronics Athleta


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/atoz-electronics-athleta-it-tieni-finalisti-wara-partita-mill-isbah/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.