- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Athleta jissorprendu lil Mellieħa

Posted By sportinmalta1 On December 24, 2014 @ 3:14 pm In Basketball,Featured | No Comments

KAMPJONAT BANK OF VALLETTA 2 DIVIŻJONI

minn Colin Schembri

Phoenix Frank Salt 68

Starlites 55

(14-9)(15-15)(19-11)(20-20)

Phoenix Frank Salt ħadu l-ewwel rebħa tal-kampjonat meta għelbu lil Starlites 68-55. Phoenix kellhom lura lil Darren Debattista u lil Matthew Bonnici però kienu mingħajr Daniel Cuenca. Il-partita kellha bidu bilanċjat bil- Phoenix ikollhom trippla minn Debattista bi Starlites iwieġbu b’punti minn Alec Felice Pace u Miguel Falzon fost l-oħrajn. Phoenix kellhom seba’ punti oħra fosthom trippla ta’ Antoine Costa flimkien ma’ Jonathan Ransley biex temmew l-ewwel taqsima 14-9 minn fuq. Fil-ftuħ tat-tieni sessjoni kien hemm punti fuq iż-żewġ naħat biex Phoenix żammew vantaġġ żgħir ta’ 3 punti 20-17. Phoenix għamlu 3 baskets wara xulxin però Starlites baqgħu viċin bi trippla ta’ Felice Pace biex Phoenix daħlu jistrieħu 29-24 minn fuq.

Starites irnexxielhom iġibu l-iskor indaqs 32-32 fit-tielet taqsima wara baskets minn Anthony Schembri u Falzon. Phoenix irkupraw b’run ta’ 10-0 bil-punti ta’ Andres Toompere. Felice Pace waqqfilhom din ir-run bi trippla però Phoenix komplew b’sitt punti oħra fostom żewġ baskets oħra ta’ Toompere biex fetħu vantaġġ ta’ 13 –il punt 48-35. Starlites ippruvaw jirkupraw fl-aħħar sessjoni u reġgħu waslu sa’ 10 punti taħt l-avversarji però lejn it-tmiem reġgħu kienu Ransley u Toompere li serrħu ras Phoenix biex ħadu l-ewwel rebħa 68-55.

 

Phoenix Frank Salt: L. Azzopardi 6, G. Micallef, D. Pisani 1, R. Curmi, D. Debattista 3, M. Bonnici 1, L. Bugelli, S. Ivanov, A. Costa 4, J. Ransley 32, A. Toompere 21.

Starlites: A. Schembri 4, T. Gatt 7, D. Massa, C. Doublet, C. Schembri 7, M. Falzon 4, A. Felice Pace 23, J. Agius, L. Vella, Q. Bugeja, D. Garcia 2, T. Grech 8.

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Luis Abuin.

Athleta 59

Mellieħa Mr. Green 49

(12-12)(15-11)(10-11)(22-15)

Athleta kisbu rebħa kontra Mellieħa Mr. Green li tista titqies bħala sorpriża hekk kif Mellieħa ġejjin minn rebħa fuq ic-champions fl-aħħar ħarġa tagħhom. Mellieħa però reġa’ kellhom nuqqas ta’ players fejn din id-darba kien nieqes ukoll Rihards Polis u bla dubju li n-nuqqas tal-aħjar skorer tagħhom inħass sew. Athleta minn naħa l-oħra kellhom ir-ritorn ta’ Julian Naudi u d-debutt ta’ Steve Gouder li se jilgħab fl-istess team ma’ ibnu Matthew. B’din ir-rebħa Athleta telgħu waħedhom fit-tieni post tal-klassifika, punt taħt il-leaders Hibs. L-ewwel sessjoni ntemmet f’parita hekk kif Mellieħa kellhom il-punti ta’ Michel Farrugia fosthom trippla biex marru minn fuq. Athleta wieġbu b’żewġ baskets ta’ David Garcia u ieħor ta’ Gouder għal skor ta’ 12-12. Fit-tieni sessjoni Mellieħa kellhom il-punti ta’ Samuel Aquilina però Athleta rrispondew minn Gouder u trippla ta’ Julian Naudi biex marru fuq quddiem u żammew vantaġġ ta’ 4 punti sal-intervall 27-23.

Wara l-mistrieħ, l-punti naqsu xi ftit u wara lil Mellieħa naqqsu d-distakk għal punt 28-29, Athleta kellhom aktar punti minn Naudi u Gouder biex baqgħu tlett punti minn fuq 37-34. Fl-aħħar taqsima, Athleta bdew bi break ta’ 9-0 biex fetħu vantaġġ ta’ 10 punti 46-36. Wara basket ta’ John Muscat u trippla ta’ Joshua Aquilina li setgħu jagħtu tama ġdida lil Mellieħa però Athleta kellhom il-freethrows ta’ Garcia biex rebħu l-partita 59-49.

Athleta: W. Hopper 2, J. Naudui 13, D. Garcia 16, D. Buhagiar, L. Stefanovic, R. Bezzina 2, F. Mifsud Bonnici 1,  M. Gouder 21, S. Hagul, S. Gouder 4, M. Gauchi Montaldo.

Mellieħa Mr. Green: C. Grixti 8, M. Farrugia 10, J. Muscat 4, S. Aquilina 9, J. Aquilina 13, P. Cauchi,  B. Soler 5, P. Magro.

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Luis Abuin

St. Nicholas Suns 50

Hibs 82

(9-12)(11-20)(16-26)(14-24)

Hibs komplew bil-mument posittiv tagħhom fejn baqgħu bla telfa dan l-istaġun wara li għelbu lic-champions renjanti St. Nicholas Suns. Fl-ewwel sessjoni kien hemm it-three pointers tal-Enervit Player tax-xahar David Camilleri għal Hibs però Suns baqgħu viċin hekk kif kellhom il-punti ta’ Hubert Agius, Michael Barberi u Lee Grech biex Hibs rebħu s-sessjoni 12-9. Hibs bdew jinqatgħu mill-avversarji hekk kif bdiet it-tieni sessjoni. Huma kellhom run ta’ 14-2 fl-ewwel tlett minuti bil-punti ta’ Gabriel Agius u trippli ta’ Camilleri u Simon Attard. Agius reġa’ wieġeb għal Suns però Hibs għalqu bi trippla ta’ Fabrizio Mariani u daħlu jistrieħu 32-20 minn fuq.

Suns bdew it-tielet sessjoni bil-punti ta’ Grech iżda Hibs malajr wieġbu b’run ta’ 15-4 fejn kellhom trippla oħra ta’ Attard u Camilleri flimkien mal-punti ta’ Mariani u Kieron Caruana. Grech reġa’ wieġeb għas-Suns qabel ma Camilleri kompla bit-trippli tiegħu għal skor ta’ 58-36. Hibs fetħu r-raba’ taqsima bi break ieħor ta’ 12-0 b’żewġ three pointers oħra minn Camilleri u baskets ta’ Caruana u Mariani. Suns ukoll kellhom it-trippli tagħhom minn Agius u Michael Barberi qabel ma Hibs komplew bi break ieħor ta’ 8-0 biex rebħu l-partita 82-50.

St. Nicholas Suns: A. Pace, S. Borg, R. Camilleri, L. Grech 18, H. Agius 20, M. Barberi 8, A. Bianchi, R. Camilleri 2, S. Cauchi.

Hibs: M. Giusti, M. Humpton 2, D. Camilleri 30, L. Farrugia 4, S. Attard 10, G. Agius 4, K. Caruana 13, T. Nikolic, K. Sultana, K. Vella, F. Mariani 16, S. Vella 3.

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Luis Abuin.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/athleta-jissorprendu-lil-mellieha/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.