Athleta jerbħu l-kampjonat ta’ taħt id-19 –il sena

Monday, March 27, 2017, 22:39

KAMPJONAT ST. JAMES HOSPITAL U/19 Irġiel

minn Colin Schembri

Athleta 73

Starlites 62

(14-14)(20-20)(16-19)(23-9)

F’partita mill-isbaħ Gżira Athleta rebħu l-kampjonat ta’ taħt id-dsatax –il sena tal-irġiel wara li għelbu lil Starlites 73-62. Iż-żewġ timijiet ħaqqhom tifħir għall-prestazzjoni li taw quddiem folla numeruża u storbjuża. Uħud minn dawn il-players se jirrapreżentaw lil pajjiżna fil-kampjonat tal-FIBA taħt l-20 sena. Il-punti tal-Athleta kienu maqsuma bjen ħames players li ġurnata qabel kienu qiegħdin jiċċelebraw ir-rebħ tal-kampjonat tat-tieni diviżjoni fil-waqt li għal Starlites kellhu prestazzjoni stupenda Alec Felice Pace. Fis-semi-finali Athleta għelbu lil Luxol 89-64 u Starlites eleminaw lil Hibs 63-55. Fil-ftuħ tal-partita ż-żewġ timijiet bdew iwieġbu lil xulxin u trippla ta’ Felice Pace poġġiet lil Starlites basket minn fuq 11-9. Ir-risposta tal-Athleta ġiet minn Francesco Mifsud Bonnici u Julian Wait però Felice Pace ippareġja fi tmiem is-sessjoni 14-14. Fit-tieni taqsima reġa’ kien hemm bidu bilanċjat bl-Athleta jiftħu bi trippla ta’ Nathan Xuereb. Wara li reġa’ kien Felice Pace li rrisponda għal Starlites, Athleta kellhom run ta’ 15-3 bi three pointers ta’ Stefan Vincic u Luca Stefanovic u fetħu vantaġġ ta’ 11 –il punt 32-21. Starlites ma ċedewx u sensiela ta’ punti konsekuttivi ta’ Felice Pace fosthom trippla rathom jagħmlu l-iskor indaqs 34-34.

Fit-tielet sessjoni l-partita kompliet tkun kumbattuta b’aktar three pointers fuq iż-żewġ naħat. Starlites marru fuq quddiem wara punti ta’ Alex Xuereb u trippla ta’ Mirco Azzopardi. Ir-risposta tal-Athleta wkoll ġiet mit-three pointers minn Vincic u Stefanovic flimkien ma’ Mifsud Bonnici u Wait. Atheta reġgħu fetħu vantaġġ ta’ 5 punti 50-45 iżda għal darb’oħra Starlites wieġbu bi three pointers ta’ Quentin Bugeja u Azzopardi u basket ta’ Felice Pace biex temmew il-perjodu 53-50 minn fuq. Fl-aħħar taqsima l-entużjażmu laħaq il-qofol tiegħhu bl-Athleta jerġgħu jmorru minn fuq bi trippla ta’ Xuereb u l-punti ta’ Vincic. Starlites, għal darb’oħra ppareġjaw bi trippla ta’ Azzopardi 62-62. Hawn Athleta kellhom run deċisiva ta’ 11-0 b’diversi punti ta’ Wait u Vincic biex rebħu l-partita 73-62. Fi tmiem il-partita l-President tal-MBA Paul Sultana ppreżenta t-tazza lil captain ta’ Athleta fost il-briju tal-partitarji numerużi li attendew għal din il-partita.

Athleta: Ryan Zammit, Francesco Mifsud Bonnici 13, Julian Wait 18, Luca Stefanovic 11, Dylan Desira, Nathan Xuereb 13, Kalvin Schembri, Stefan Vincic 18, Edward Sciberras.

Starlites: Miguel Fabri, Mirco Azzopardi 17, Matthias Schembri, Ian Felice Pace, Miguel Vella, Isaac Pace, Alec Felice Pace 34, Adam Vella Cardona, Matthew Scerri, Quentin Bugeja 5, Alex Xuereb 6, Thomas Grech.

Referees: Bernard Vassallo, Igor Marjanovic, Emanuel Mangani.





Leave a comment