ASMK Van Demolition Derby 2019 għal nhar is-Sibt li ġej

Wednesday, July 10, 2019, 7:33

Nhar il-Sibt li ġej l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi (ASMK) se torganizza l-aħħar attivita tal-istaġun qabel il-waqfa tas-sajf, bis-Sezzjoni Autocross tal-ASMK torganizza t-tnax u l-aħħar attivita mill-Kampjonat Nazzjonali ASMK Pasta Poiatti 2018/2019 bl-attività li tibda fis-sitta ta’ filgħaxija. Din ser tkun attività speċjali oħra bil-programm li se jkun qed jagħlaq bid-Demolition Derby tal-Vannijiet li tibda fil-ħdax ta’ bil-lejl.

It-talba lill-ASMK biex terġa’ tibda torganizza d-Demolition tal-Vanijiet saret mill-ewwel wara s-suċċess tal-ewwel edizzjoni li saret is-sena li għaddiet, dejn għal din l-edizzjoni ta’ din is-sena rregistraw 16-il sewwieq fuq vetturi bħal Toyota Liteace, Ford Transit, Tata Sierra, Tata Safari fost l-oħrajn. L-ASMK diġa’ iltaqgħet mall-kompetituri fejn kollox jinsab lest biex nhar is-Sibt tibda edizzjoni oħra tal-Van Demolition Derby. Il-Biljetti jistgħu jinxtraw mill-bieb għal prezz ta’ €5 għall-kbar u t-tfal jidħlu b’xejn.

Intant fil-Kampjonat Nazzjonali ASMK Pasta Poiatti 2018/2019 kollox jidher deċiż fiż-żewġ klassijiet rispettivi kemm dik Modified u dik Standard. Fil-Klassi Modfied Melo Zammit fuq Opel Corsa li bħalissa jinsab fil-quċċata ta’ din il-klassifika b’241 punt, segwit minn Terence Azzopardi fuq Opel Corsa b’205 punt u Noel Zammit fuq Fiat Punto b’172 punt.

Fil-Klassi Standard ukoll jidher min ser ikun Ċampjin għal dan l-istagun b’Kyle Aguis fuq Opel Nova li bħalissa jinsab fil-quċċata tal-Klassifika b’60 punt. Mhuwiex l-istess għat-tieni post f’din il-klassi fejn f’din il-pożizzjoni għad hemm taqtigħa bejn Johann Vella fuq Opel Nova li bħalissa jinsab wara Agius iżda bi 42punt waqt li Vella jinsab quddiem Jerome Peplow fuq Kia Avella b’41 punt. Din ser tkun sfida interessanti bejn Vella u Peplow.

Iktar informazzjoni wieħed jista jsibha fis-sit elettroniku tal-Assoċjazzjoni www.asmk.org.mt jew fil-paġni Facebook bl-isem A.S.M.K. Malta jew Assocjazzjoni Sport Muturi u Karozzi. Wieħed jista jagħmel kuntatt bl-email info@asmk.org.mt jew Mobile 9942 5489.

Rittrati ta Mario Micallef





Leave a comment