ASMK Mini Car Demolition Derby nhar il-Ħadd li ġej

Wednesday, March 14, 2018, 9:13

Nhar il-Ħadd 18 ta’ Marzu 2017, l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi (ASMK) se torganizza is-seba’ attvità mill-Kampjonat ASMK Pasta Poiatti 2017/2018. Il-programm jibda fl-għaxra ta’ filgħodu, fejn is-sezzjoni Autocross tagħmel kompetizzjoni ta’ tiġrijiet li jkunu maqsuma f’żewġ klassijiet dik Modified u Standard. Kull klassi trid tagħmel tliet rawnds ta’ kwalifikazzjoni li jagħzlu il-kompetituri għall-finali tal-ġurnata minn kull klassi. Il-programm jilħaq il-qofol tiegħu fit-3:00pm fejn tingħata bidu għall-edizzjoni oħra tal-Mini Car Demolition Derby 2018.

Għal din l-edizzjoni tad-Demolition irreġistraw 41 karozza li ma jkunux itwal min 4 metri (13 il-pied). Fil-fatt din tissejjaħ id-Demolition tal-Karozzi Żgħar għall-fatt li hemm il-qies marbut mal-karozza li jikkontrolla x’karozza wieħed jista juża f’din l-attività. Bħas-soltu l-ASMK tagħti ftit ċans lil-karozzi jiġu esebiti billi jduru żewġ dawriet mal-korsa qabel jibdew l-aħħar vjaġġ tagħhom lejn li scrapyard fejn jiġu imqattgħin u riċiklati.

Nhar il-Ħadd li ġej ukoll ser tkun qed tittella’ attività bit-Trials fid-9. 00am. Din ħa ssir fil-Barriera Tarġiet Għomor Limiti ta’ San Pawl Tat-Tarġa u sa tkun organizzata r-raba’ attività mill-Kamjonat Nazzjonali Trials 2017/2018.

Intant, nhar il-Ħadd 4 ta’ Marzu 2018, l-Assoċjazzjoni organizzat ir-raba’ attività mill-Kampjonat Nazzjonali Wotomoto Enduro 2017/2018 liema attività saret fil-Barriera Tat-Tarġiet Għomor Limiti ta’ San Pawl tat-Tarġa fejn ikkompetew 24 sewwieqa. Il-kompetituri kienu maqsuma skont il-ħiliet u esperjenza f’dan il-qasam. Il-korsa għal din l-attività kienet twila 3.5 kilometri.

Fil-bidu saret pole postion għal-lista tat-tluq uffiċjali. Joseph Scicluna fuq mutur KTM rebaħ il-pole position segwiet minn Bernard Sammut fuq Beta u James Zahra fuq Sherco.

Matul il-ġurnata kellna dawn ir-rizultat. Fi Klassi A, Sammut iddomina fl-ewwel Heat tal-ġurnata segwit min Scicluna u Zahra rispettivament. Fit-tieni heat Zahra irnexxielu jkompli jtejjeb il-ħin tiegħu biex spiċċa bl-aħjar ħin ta’ 4 minuti 6.166 sekondi. B’dan il-ħin Zahra rnexxielu jirbaħ il-klassi tiegħu kif ukoll il-ġurnata Overall. Zahra kien segwit minn Matthew Gauci fuq mutur KTM b’ħin ta’ 4 minuti u 14.633 sekondi. Għaldaqstant Scicluna kellu jikkuntenta bit-tielet post bl-aħjar ħin tiegħu ta’ 4 minuti 20.497 sekondi.

Mill-Klassi B, Matthieu Salomon fuq KTM iddomina fl-ewwel heat tal-ġurnata fejn dan irreġistra l-aħjar ħin tiegħu ta’ 4 minuti 58.732 sekondi segwit minn Alex Sant Fornier fuq KTM b’ħin ta’ 5 minuti 29.253 sekondi. Matul it-tieni heat tal-ġurnata, James Grima u Gabriel Muscat komplew itejbu il-ħin tagħhom bi Grima jirreġistra ħin ta’ 5 minuti 7.329 sekondi filwaqt li Muscat irreġistra ħin ta’ 5 minuti 13.558 sekondi. Minkejja li Salomon ma kompliex il-ġurnata għax kellu jitlaq kmieni, spiċċa biex rebaħ il-klassi segwit minn Grima u Muscat li għalqu l-ġurnata fit-tieni u t-tielet post rispettivament.

Mill-Klassi C, Darren Borg fuq KTM rebaħ din il-klassi b’ħin 5 minuti 51.96 sekondi. Borg kien segwit minn Dale Galea fuq Honda b’ħin 6 minuti 47.658 sekondi. Fit-tielet post daħal Kurt Muscat fuq Yamaha b’ħin ta’ 8 minuti 33.447 sekondi.

Għal aktar informazzjoni idħlu fuq is-sit elettroniku tal-Assoċjazzjoni www.asmk.org.mt jew fil-paġni Facebook bl-isem A.S.M.K. Malta jew Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi.

Rittratti ta’ Mario Micallef





Leave a comment