ASMK Champions Awards u l-proġett tal-korsa tal-Motocross

Tuesday, February 20, 2018, 18:24

Nhar is-Sibt 24 ta’ Frar l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi (ASMK) ser tkun qed torganizza l-attività annwali fejn tonora li Campjins 2016/2017. F’din l-okkażjoni jitqassmu wkoll diversi unuri oħra li kienu mirbuħa matul din l-aħħar sena waqt l-attivitajiet li l-ASMK torganizza bil-Muturi u Karozzi.

Grazzi lill-President ta’ Malta li għal darb’oħra l-attivta ser issir fil-Palazz Verdala u mistiedna jattendu s-Segretarju Parlamentari Għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Dr. Clifton Grima, il-Kelliem ghall-Isport mill-Oppożizjoni l-Onor. Ryan Callus, iċ-Ċermen ta’ Sport Malta Dr. Luciano Busutill, l-Aġent Kap Eżekuttiv ta’ Sport Malta Dr. Chris Bonnet, il-President tal-Kumitat Olimpiku Malti s-Sur Julian Pace Bonello kif ukoll diversi sponsors u Membri Onorarji tal-Għaqda.

Intant illum waqt konferenza stampa fix-Showroom ta Gasan Zammit Motors Ltd l-ASMK ħabbret proġett ieħor ta’ strutturar fil-korsa tal-Motocross. Il-kumpanija Honda ħabbret li ser tkun qed tisponsorja lill-ASMK biex tagħmel dan il-proġett għal dan l-istaġun 2018.

Waqt din il-konferenza l-President tal-ASMK is-Sur Frans Deguara tkellem ftit fuq l-għaqda in-Ġenerali u fejn waslet illum. Tkellem ukoll is-Sur John Cassar President tal-Motocross fejn spjega iktar fid-dettall dwar il-proġett. Is-Sur Manfred Galea Brand Manager tal-Kumpanija Gazan Zammit Motors Ltd qal li huwa ta pjaċir tiegħu flimkien mat-tim tiegħu li jkomplu jgħinu l-Isport Malti. Huwa spjega li r-relazzjoni mal-ASMK bdiet is-sena li għaddiet meta kienet użat il-korsa għal launching uffiċjali tad-ditta Isuzu Dmax. Il-Kumpanija xtaqet tkompli toffri l-għajnuna tagħha lill-ASMK fejn jidħol l-isport tal-Muturi u għalhekk bid-ditta Honda qed tiġi offruta din l-għajnuna. Huwa irringrazzja lill-ASMK għal professjonalità li miexja biha, fejn ukoll fl-aħħar tad-diskors tiegħu ppreżenta l-isponsorship lill-President tal-ASMK.

Grazzi għad-ditta Honda ilbieraħ ingħata bidu għax-xogħol fuq il-korsa tal-Muturi f’Ta’ Qali fejn għal darb’oħra l-ASMK ġabet f’Malta l-espert fil-bini tal-korsa tal-Motocross is-Sur Angelo Chinquemani li minbarra li qed jerġa jirranġa l-wiċċ tal korsa li ittiekel bl-użu, ħa jsiru tibdiliet tekniċi li jgħinu lis-sewwieqa biex dejjem itejbu t-teknika tas-sewqan u b’hekk jinżammu aġġornati għal meta jmorru jikkompetu barra mil-pajjiz. Dan ix-xogħol qed issir ukoll b’għajnuna minn diversi sponsors fosthom Philip Agius & Sons u Central Asphalt Ltd taħt it-tmexxija tal-Projects Manger tal-ASMK is-Sur Lawrence Darmanin.

Intant nhar il-Ħadd li għadda 18 ta’ Frar 2018 ġiet organizzata it-tielet tiġrija mill-Kampjonat Nazzjonali Wotomoto Enduro 2017/2018. L-Attivita ġiet organizzata fil-Barriera fil-Fawwara Limiti tas-Siġġiewi. Grazzi għal Barbros Ltd li jgħati ċans biex issiru dawn l-attivitajiet.

Matul din l-attivita fuq korsa twila 2.5km kellna dawn ir-riżultati fejn fl-Enduro Klassi A Bernard Sammut fuq Beta rebaħ din il-klassi kif ukoll l-attivita Over All bl-aħjar ħin tiegħu ta’ 4 minuti 21.398 sekondi. Dan kien segwit minn James Zahra fuq Sherco b’ħin ta’ 4 minuti 27.190 sekondi. Fit-tielet post spiċċa Joseph Scilcuna fuq KTM b’ħin ta’ 4 minuti 29.363 sekondi.

Fl-Enduro klassi B Krist Falzon fuq Husqvarna rebaħ din il-klassi b’ħin 5 minuti 22.306 sekondi waqt li fit-tieni post daħal Aidan Camilleri fuq KTM b’ħin ta 5 minuti 27.886 sekondi. It-tielet post intrebaħ minn David Micallef fuq KTM b’ħin ta’ 5 minuti 35.610 sekondi.

Fl-Enduro Klassi C Nicovich Chircop fuq KTM rebaħ din il-klassi b’ħin ta’ 6 minuti 58.429 sekondi segwit minn Kurt Muscat fuq Yamaha b’ħin ta’ 7 minuti 3.589 sekondi.

L-attività li jmiss hija dik bil-Muturi Trials fil-Barriera tal-Fawwara. Din il-kompetizzjoni ser tkun ir-raba’ attività tal-istaġun 2017/2018 bit Trials Bikes. L-attività tibda f’12:00pm.

Għal aktar informazzjoni idħlu fuq www.asmk.org.mt jew fil-paġna ta’ Facebook Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi. Wieħed jista jagħmel kuntatt bl-email info@asmk.org.mt jew Mobile 9942 5489

Rittarti ta’ Mario Micallef





Leave a comment