Aqdef bir-rota lejn stil ta’ ħajja b’saħħita mal-programm #OnTheMove

Friday, May 5, 2017, 15:26

Michael Cassar

Hekk kif il-grada tinżel, iċ-ċiklisti aspiranti tal-BMX jinżlu bil-ġiri mir-rampa lejn l-ewwel ostaklu, waqt li jagħmlu għadd ta’ manuvri tul iċ-ċirkwit. Dan hu propju s-sens ta’ eċitament li l-parteċipanti tal-BMX fil-programm tax-xitwa #OnTheMove jesperjenzaw kull nhar ta’ Sibt. Is-sessjonijiet isiru fil-BMX Track and Cycling Complex ta’ Pembroke.

B’kollox hemm iktar minn 30 parteċipant li jattendu dawn is-sessjonijiet tal-BMX #OnTheMove, sponsorjat minn Kellogg’s.  Il-Head Coach Karl Naja spjega li kull nhar ta’ Sibt isiru żewġ lezzjonijiet, l-ewwel waħda hi mmirata għal dawk li għadhom jibdew, filwaqt li l-lezzjoni ta’ wara hi għall-parteċipanti li huma iktar avvanzati.

“Is-sessjonijiet ta’ taħriġ huma maħsuba biex jgħinu lill-parteċipanti żgħar jiksbu bażi soda tal-ħiliet fiċ-ċikliżmu, bħal qbiż bir-rota, handling, kontroll, tidwir f’daqqa, u anki xi tips bażiċi. Ladarba jipperfezzjonaw fit-taħriġ, aħna nħeġġu lill-parteċipanti biex jesploraw u joħolqu l-istil uniku tagħhom b’tricks innovattivi u akrobatiċi,” spjega Naja.

Il-programm tax-xitwa #OnTheMove hu organizzat minn SportMalta u sponsorjat minn Kellogg’s, l-ikbar produttur taċ-ċereali tal-kolazzjoni fid-dinja. Il-programm #OnTheMove joffri taħriġ f’għadd ta’ kumplessi sportivi u lokalitajiet differenti bil-għan li jipprovdi lill-parteċipanti l-opportunità li jipprattikaw l-isport favorit tagħhom f’post li hu konvenjenti għalihom.

Kellogg’s qed tisponsorja l-programm tax-xitwa #OnTheMove għas-17-il sena konsekuttiva bħala parti mill-impenn tagħha biex tippromwovi l-attivitajiet fiżiċi u dieta bilancjata fost il-komunità Maltija.

Għal iktar tagħrif dwar il-BMX jew dixxiplini sportivi oħra persuna tista’ tikkuntattja lis-Sezzjoni tal-Programmi fl-uffiċċju ewlieni ta’ SportMalta fuq tel. 2203 6000, jew bl-imejl: programmes@sportmalta.org.mt, inkella żżur il-websajt: www.sportmalta.org.mt





Leave a comment