Appell biex il-Gvern jirrikonsidra d-deċiżjoni li jċaqlaq l-Iskola Nazzjonali tal-Isport

Wednesday, January 22, 2014, 13:51
Stqarrija maħruġa mill-Kelliem għaż-Żgħażagħ u Sport Robert Cutajar

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li jinnota b’diżappunt id-deċiżjoni tal-Gvern li l-Iskola Nazzjonali tal-Isport ġiet trasferita mill-Kumpless tal-Isport tal-Kulleġġ San Benedittu f’Ħal Kirkop għal skola oħra li mhijiex attrezzata bl-istess mod f’Pembroke.

L-Iskola Nazzjonali tal-Isport, li ġiet inawgurata f’Settembru 2012, għandha l-iskop ewlieni li tagħti taħriġ speċjalizzat lil studenti li għandhom talent speċjali fl-isport. Dawn l-istess studenti qegħdin jingħataw l-aqwa opportunità biex jirnexxu kemm fl-istudju akkademiku tagħhom kif ukoll fl-isport. Dan isir billi l-ħinijiet tal-lezzjonijiet, li jinkludu kemm suġġetti akkademiċi u oħrajn dedikati għall-isport, huma flessibbli biżżejjed biex jakkomodaw it-taħriġ sportiv li jkun qed isir ukoll waqt il-ħin tal-iskola f’qafas ta’ ċentru ta’ eċċellenza għall-attività sportiva. It-taħriġ sportiv jiġi kkoordinat mill-assoċjazzjonijiet sportivi u l-kowċis tagħhom, biex l-atleti żgħażagħ ikollhom pjan wieħed ta’ taħriġ b’oġġettivi komuni, kemm waqt il-ħin tal-iskola kif ukoll wara.

Biex pajjiżna jkun jista’ joffri l-opportunitajiet ta’ taħriġ speċjalizzat lil tfal u żgħażagħ li għandhom talent fl-isport, il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern investa f’kumpless ġdid b’faċilitajiet state-of-the-art u attrezzati għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-istudenti. Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jifhem li l-Gvern issa beħsiebu jagħti aktar awtonomija lill-Iskola Nazzjonali tal-Isport, xorta jibqa’ l-fatt li l-iskola issa se timxi mill-post oriġinali u ideali tagħha, deċiżjoni li żgur mhix se tgħin biex l-istudenti jkomplu mexjin fl-istudju tagħhom fl-istess kumdità li kellhom fejn setgħu faċilment jipprattikaw id-dixxiplini sportivi tagħhom, inkluż il-basketball, il-futbol, il-ġinnastika, il-karate u r-rugby fost dixxiplini oħrajn.

Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern sabiex jirrikonsidra d-deċiżjoni mgħaġġla tiegħu li jmexxi l-Iskola Nazzjonali tal-Isport mill-post li hu attrezzat speċifikament għaliha. Il-Partit Nazzjonalista jistieden lill-Gvern biex jagħmel konsultazzjoni sinċiera mal-partijiet kollha involuti u jittama li din id-deċiżjoni mgħaġġla u nieqsa minn viżjoni  ma tagħmilx ħsara lil dawk l-istudenti kollha effettwati fil-mixja tagħhom biex itejbu l-kwalitajiet tagħhom fil-qasam akkademiku u dak sportiv.




Leave a comment