Ambaxxaturi tal-professjonalita fl-isport

Friday, September 27, 2013, 18:18

Il-persuni li jirbħu boroż ta’ studju fl-isport huma l-ambaxxaturi li jixprunaw viżjoni ta’ professjonalità fl-isport. Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport, Stefan Buontempo, waqt ċerimonja ta’ għoti ta’ boroż ta’ studji relatati mal-Isport.

Huwa qal li l-isport huwa ċelebrazzjoni tal-abiltajiet fiżiċi u mentali, l-isforz li l-isportiv jagħmel biex jakkwista riżultati aħjar. Jekk pajjiżna jrid li jdaħħal kultura sportiva ħolisitika jrid ikollna persuni kwalifikati u speċjalizzati. Għalhekk dawn il-boroż ta’ studju huma mezz biex nixprunaw il-professjonaliżmu fl-isport.

Is-Segretarju Parlamentari Buontempo tenna li investiment fl-isport huwa investiment fis-soċjetà għax permezz ta’ dawn il-boroz ta’ studji pajjiżna jista’ jkollu aktar persuni kwalifikati f’dan il-qasam.

Matul din il-preżentazzjoni li saret fl-iStadium Nazzjonali Ta’ Qali ġew ippreżentati 14-il borża ta’ studju fuq livelli differenti kemm ta’ Masters u Dottorat kif ukoll taħriġ f’istituzzjonijiet barranin. L-iżgħar persuna li se tibbenefika għandha 16-il sena.

Aktar informazzjoni fuq boroż ta’ studju tkun tista’ tinkiseb minn fuq is-sit www.education.gov.mt/myscholarship.

Dan il-Gvern alloka numru rekord ta’ scholarships din is-sena wara żieda konsiderevoli ta’ investiment finanzjarju fl-iskemi tal-boroż ta’ studju.





Leave a comment