Amateur Football:Tintlagħab is-Super Cup u logħob oħra

Wednesday, October 7, 2015, 21:49

Gavin Muscat

Nhar is-Sibt li għadda saru erba’ logħbiet oħra mill-Joseph Sammut Co.Ltd Swan Amateur Football Association fejn l-aktar partita mistennija tal-ġurnata kienet il-finali tas-Super Cup fejn it-tim Belti tal-Valletta St.Pauli għelbu lil San Ġwann Knights bl-iskor konvinċenti  ta’ 5-1 biex il-Beltin rebħu dan l-unur għad-disa’ darba fl-istorja glorjuża tal-klabb Belti, biex it-tliet partiti l-oħra kienu mill-ewwel fażi tal-kampjonat, fejn Luqa Juniors jinsabu b’punti massimi minn żewg logħbiet meta għelbu l-isfida qalbiena tat-tim tal-Baħrija bl-iskor ta’ 3-2 biex fit-tieni partita tal-ġurnata mill-kampjonat ukoll Tarxien Cavalieri Hotel u Għargħur Bushwackers qassmu l-punti fi dwar ta’ 3-3 biex l-aħħar partita fil-programm anke Ta’ Giorni Wolves u Dingli Eagles qassmu l-punti fi draw ieħor ta’ 2-2,biex iz-żewg naħat jinsabu fit-tieni post tal-klassifika b’erba’ punti   żewġ punti taħt il-leaders Luqa Juniors li għandhom sitt punti minn żewg logħbiet.

Finali tas-Super Cup:Valletta St.Pauli vs San Ġwann Knights

Nhar is-Sibt fil-ground ta’ Ħaż-Żebbuġ saret il-finali tas-Super Cup ta’ Swan Amateur Football Association,fejn it-tim ta’ Valletta St.Pauli għeleb lil dak ta’ San Gwann Knights bl-iskor konvincenti ta’ 5-1 biex il-Beltin kisbu l-ewwel unur staġjonali u rebħu dan l-unur għad-disa darba fl-istorja glorjuża tal-klabb Belti. Minn naħa ta’ San Gwann Knights li kienu qed jikkontestaw l-ewwel finali tas-Super Cup ma setgħu jagħmlu xejn mal-qawwa Beltija,fejn il-Beltin kienu superjuri għall-avversarji tagħhom fejn sa tmiem l-ewwel taqsima Valletta St.Pauli kienu bdew vantaġġ doppju,meta skurjaw żewġ gowls mingħajr risposta permezz ta’ Daniel Piccinino wara 12 il-minuta logħob fejn hu tefa fir-rokna tax-xibka għal gowl tal-vantaġġ biex fil-25 minuta logħob Valletta St.Pauli irdoppjaw permezz ta’ Vilson Caushi wara li ħataf żball fid-difiża tal-Knights u tefa fix-xibka vojta,biex il-Beltin daħħlu jistrieħu b’vantaġġ doppju.

Fit-tieni taqsima Valletta St.Pauli komplew juru is-suppremazija tagħhom fejn skurjaw tliet darbiet oħra permezz ta’ doppjetta personali ta’ Zvevden Vukovic fl-44 minuta logħob u reġgħu kabbru l-iskor b’gowl ieħor mill-11 il-metru fil-55 minuta logħob,biex Glenn Barry issiġilla r-rebħa Beltija b’ gowl ieħor fit-63 minuta logħob għal skor finali ta’ 5-1 fejn minn naħa ta’ San Gwann Knights dawn kienu naqqsu l-iskor fid-49 minuta logħob minn penalty ta’ Glenn Fenech,biex kien għamel l-iskor momentarju ta’ 3-1. Referee : Jules Ngangue

Wara l-partita l-President tal-assoċjazzjoni s-Sur Lino Bartolo f’kelmtejn tal-okkażżjoni feraħ liż-żewg timijiet għal mod sportiv li intlabet din il-finali fejn feraħ lit-tim Belti għal dan l-ewwel unur staġjonali li kisbu u irringrazzja lil Viċi-President l-Avukat Chris Bonnet,lis-Sur Joe Sammut bħala l-isponsor ufficjali tal-assoċjazzjoni (Joseph Sammut Co.Ltd), talli laqu’ l-istedina biex jagħmlu il-preżentazzjoni tat-tazzi,kif ukoll irringrazzja lil -istazzjon nazzjonali PBS talli sab il-ħin u l-ispazju biex taw coverage tal-finali li hi xi ħaġa li għall-assoċjazzjoni hija inċentiv li qatt ma sar tul dawn is-37 sena kemm ila li twaqqfet l-assoċjazzjoni.

Wara l-kelmtejn tal-President tkellem l-Avukat Chris Bonnet fejn feraħ liż-żewġ timijiet u qal li għal MFA, il-Members Associations huwa importanti daqs kull kampjonat ieħor li jigu organizzati mill-MFA għax ħafna mill-plejers jibdew u jispiċċaw il-karriera tagħhom f’ dawn il-kampjonati li huma purament kampjonati ta’ minn verament iħobb il-logħba tal-futbol.

Wara tkellem is-Sur Joe Sammut (f’isem l-isponsor) u qal li din kienet l-ewwel okkażjoni għalih li kien preżenti għal logħob tal-amateur u qed jieħu gost jara nies dedikati għax għandhom il-passjoni tal-logħba tal-futbol,fejn kemm il-plejers u kemm id-delegati jaħdmu kollox volontarjat u hu awgura kull suċċess kemm lil assoċjazzjoni Swan u kemm it-timijiet parteċipanti kollha u jżommu dan l-ispirtu t’ għaqda.

Wara id-diskorsi l-Viċi President tal-MFA l-Avukat Chris Bonnet u s-sur Joe Sammut ippreżentaw it-trofej tas-Super Cup lil captain Belti David Calleja fost il-ferħ ta’ sħabu l-plejers diriġenti u partitarji għal dan is-suċċess.

Luqa Juniors vs Baħrija AFC

Fl-ewwel partita tal-ġurnata mill-ewwel fażi tal-kampjonat, Luqa Juniors għelbu lit-tim qalbieni ta’ Baħrija AFC bl-iskor ta’ 3-2,biex kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva u għandhom punti massimi. Fl-ewwel taqsima Luqa kienu superjuri fejn skurjaw tliet darbiet mingħajr risposta fejn il-gowlkiper ta’ Baħrija AFC Sacha Galea wettaq bosta żbalji fatali fejn il-gowls ta’ Luqa waslu permezz ta’ Charlie Camilleri fil-11 il-minuta,Nazzareno Abela fit-22 minuta u Keith Farrugia biex il-Juniors daħħlu jistrieħu b’vantaġġ komdu ta’ tliet gowls.

Fit-tieni taqsima Baħrija kellhom ħsiebijiet oħra għax għamlu rimonta u skurjaw żewġ gowls ta’ doppjetta personali ta’ Andre Magro biż-żewġ gowls jaslu minn penalties fil-53 u 63minuta logħob għal skor finali u aktar rispettabli ta’ 3-2.

Referee:Nelson De Vella

Tarxien Cavalieri Hotel vs Għargħur Bushwackers

Fit-tieni partita tal-ġurnata mill-kampjonat, Tarxien Cavalieri Hotel u Għargħur Bushwackers qassmu l-punti fi draw ta’ 3-3,biex iż-żewġ naħat ħadu punt kull wieħed f’ partita movimentata bil-ballun tiela u nieżel fejn sa tmiem it-taqsima l-iskor kien dak ta’ 2-2 fejn għal Tarxien skorja doppjetta Agid Hassan fl-14 u 28 minuta u t-tweġiba ta’ Għargħur waslet minn Ryan Fenech fid-9 u 21 minuta meta skorja doppjetta personali biex iż-żewġ naħat daħlu jistrieħu fi draw ta’ 2-2.

Fit-tieni taqsima l-logħob baqa’ fuq l-istess andament fejn Għargħur Bushwackers reġu marru fil-vantaġġ permezz ta’ Fabien Pascone Camilleri fid-49 minuta imma qabel it-tisfira finali Tarxien kisbu l-gowl ta’ draw fit-68 minuta permezz ta’ Frank Godwin għal skor finali ta’ 3-3.

Referee: Joe Mizzi

Ta’ Giorni Wolves vs Dingli Eagles

Fl-aħħar partita fil-programm mill-kampjonat bejn żewg teams (li fl-ewwel ħarġa tagħhom ħarġu fuq in-naħa rebbieha) kellna lil Ta’ Giorni Wolves u Dingli Eagles li ukoll qassmu l-punti fi draw ta’ 2-2,biex iż-żewġ naħat jinsabu fit-tieni post tal-klassifika b’erba’ punti. Kienet partita b’żewġ uċuh fejn fl-ewwel taqsima Ta’ Giorni Wolves iddominaw lil avversarji tagħhom fejn wara 10 minuti logħob fetħu l-iskor permezz ta’ Alessandro Certelli biex fl-20 minuta Tarik Ibrahim kabbar il-vantaġġ,biex il-Wolves daħħlu jistrieħu b’vantaġġ doppju.  Imma fit-tieni taqsima Dingli ħarġu aktar organizzati u l-isforzi tagħhom ġew ippremjati għax is-solitu Ezzeddin Saih skorja doppjetta personali fil-51 u fit-62 minuta biex ta punt meritat lit-tim tiegħu għal skor finali ta’ 2-2.

Referee : Joe Azzopardi





Leave a comment