Alyssa Ashley Loyola u Luxol jirkupraw fit-tieni logħba

Sunday, April 22, 2012, 11:04

minn Colin Schembri

KAMPJONAT MSV LIFE NISA – Playoffs Semifinali

 

Alyssa Ashley Loyola 58

McDonalds Depiro 39

(24-7)(9-11)(12-13)(13-8)

 

Hibs vs Luxol

Hibs vs Luxol

Alyssa Ashley Loyola kisbu r-rebħa li kellhom bżonn kontra McDonalds Depiro fit-tieni semifinali tal-playoffs biex issa kollox irid jiġi deċiż fit-tielet partita. Għal Loyola kienet strumentali run qawwija li għamlu fl-ewwel perjodu meta ħasdu lil Depiro bi break ta’ 21-0 li kien biżżejjed għalijhom biex joħorġu rebbieħa. Daqqa ta’ ħarta għal Ruth Spiteri kienet l-injury li sofriet Christina Grima lejn tmiem it-tieni sessjoni fejn għadu mhux magħruf jekk jirnexxielex tirkupra għat-tielet partita. Wara li Depiro għamlu l-ewwel żewġ baskets tal-partita permezz ta’ Samantha Brincat u Vontisha Woods huma donnhom sparixxew mil-partita għall-kumplament tal-perjodu. Fil-fatt Loyola għamlu baskets konsekuttivi minn Emma Moore, Desarae Johnson u Grima biex marru 21-4 minn fuq. Finalment Depiro reġgħu dehru bi trippla ta’ Brincat pero’ Loyola kienu 24-7 minn fuq fi tmiem is-sessjoni. Minn hemm il-quddiem il-partita kienet bilanċjata biss Depiro qatt ma dehru li jistgħu jirkupraw id-distakk. Loyola fetħu t-tieni sessjoni bi 3 freethrows minn Johnson għalkemm Depiro wieġbu b’run ta’ 8-2. Loyola kabbru d-distakk bil-baskets ta’ Sammy Jo Barbara u Abigail Sciberras. Lejn it-tmiem kien hemm punti minn Brincat biex fl-intervall Loyola kienu 33-18 minn fuq.

Fit-tielet sessjoni, mingħajr Grima Loyola kabbru l-vantaġġ bi break ta’ 8-2 b’Moore tagħmel żewġ baskets. Depiro wieġbu bil-baskets ta’ Woods u wara li Denise Hollier u Johnson għamlu 4 punti għal Loyola, kienet Steffi De Martino li għalqet is-sessjoni bi trippla għal skor ta’ 45-31. Loyola reġgħu bdew tajjeb fir-raba’ sessjoni b’punti minn Kristy Tonna u Johnson qabel ma Woods u De Martino wieġbu għal Depiro. Pero’ d-distakk kien kbir wisq u Depiro qatt ma setgħu jirkupraw biex Loyola rebħu l-partita 58-39. It-tielet partita tintlagħab Il-Ħadd fit-tlieta neqsin kwart.

 

Alyssa Ashley Loyola  : E. Moore 12, C. Grima 5, J. Doughty 2, D. Hollier 4, K. Tonna 2, A. Bonanno, J. Mangion 3, A. Sciberras 4, S.J. Barbara 4, D. Johnson 22.

McDonalds Depiro: A. Mifsud, G. Mifsud, J. Xuereb, S. Brincat 10, V. Woods 14, F. Biancho, T. De Martino, A. Borg 2, M. Bonett, M. Mifsud, S. Micallef, S. De Martino 13.

Referees: Bernard Vassallo, Clive Terribile, Emanuel Mangani

 

Hibs Melita Gardens 37

Luxol 55

(11-9)(20-34)(25-43)(37-55)

 

Ic-champions Luxol ukoll sfurzaw it-tielet partita b’rebħa fuq Hibs Melita Gardens 55-37. U jekk Loyola kellhom mument brillanti fl-ewwel sessjoni, tal-Luxol wasal fit-tieni sessjoni meta Hibs kellhom black-out u sofrew run ta’ 20-0. Hibs kienu mingħajr Lucienne Bezzina u Alexis Cutajar. Il-bidu tal-partita kien bilanċjat u l-punti ġew bil-mod tant li fis-sitt minuta Luxol kienu 5-4 minn fuq wara trippla ta’ Greta Zarb. Kirsten Baldacchino wkoll għamlet trippla għal Hibs li wara punti minn Maria Desira temmew l-ewwel sessjoni 11-9 minn fuq. Fit-tieni sessjoni Hibs baqgħu fuq quddiem bl-ewwel punti ta’ Lena Gipson u Nadia Arrigo. Għal Pawlisti beda jberraq meta Beverlee Zammit għamlet trippla. Wara freethrow ta’ Elena Cassar għal Hibs, waslet ir-run ta’ Luxol ta’ 20-0 bi trippli ta’ Zarb, Sarah Pace u Mandi Sciortino biex marru fuq quddiem 34-18. Joselle Cardona għamlet l-aħħar basket ta’ Hibs qabel l-intervall għal skor ta’ 34-20.

Ir-ritmu tal-partita naqas ferm fit-tielet sessjoni għalkemm Luxol komplew iżidu l-vantaġġ b’iktar trippli minn Zarb u Zammit. Hibs għamlu l-ewwel punti tagħhom fis-seba’ minuta pero’ Luxol temmew is-sessjoni 43-25 minn fuq. Fl-aħħar sessjoni Luxol żiedu l-vantaġġ b’punti minn Robin Murphy u kien biss f’nofs is-sessjoni li Hibs wieġbu permezz ta’ Maria Desira. Il-vantaġġ ta’ Luxol baqa’ kostanti anzi żieduh wara trippla oħra ta’ Zammit biex ħarġu rebbieħa 55-37. It-tielet partita tintlagħab Il-Ħadd fis-siegħa.

 

Hibs Melita Gardens: J. Scerri 2, E. Cassar 4, M. Zammit, F. Mifsud, M. Desira 8, K. Gatt, L. Micallef, N. Arrigo 6, K. Baldacchino 5, J. Cardona 8, L. Gipson 4.

Luxol: S. Pace 5, M. Sciortino 11, C. Medina, B. Naudi, J. Busuttil Gaerty, G. Zarb 15, P.Ellul, R. Murphy 13, D. Muscat, A. Paul 2, B. Zammit 9.

Referees: Gordon Barbara, Alfred Carbonaro, Steve Gouder.

 





Leave a comment