Alyssa Ashley Loyola jegħlbu lil Luxol fil-partita prinċipali

Wednesday, October 17, 2012, 9:13

minn Colin Schembri

ST. JAMES HOSPITAL SHIELD NISA

Honey Athleta 72

Phoenix Petrus Pizza Qormi 38

(19-8)(20-9)(20-9)(13-12)

 

Hibs vs Depiro

Hibs vs Depiro

Din il-partita fetħet is-Saint James Hospital Shield tan-nisa għal dan l-istaġun. Honey Athleta diġa għelbu lil Phoenix Petrus Pizza Qormi fil-preseason tournament u reġgħu irrepetew dan ir-riżultat b’rebħa ta’ 72-38 minkejja li kienu mingħajr Kelly Busuttil. Phoenix kienu mingħajr Jessica Millo u Carina Gauchi u għadhom qiegħdin jistennew il-wasla tal-player Amerikana tagħhom. Il-ftuħ tal-partita kien bilanċjat tant li wara ħames minuti Athleta kienu punt minn fuq 7-6. Punti ta’ Aleksandra Ratomska u Lonnecke Calleja kabbru l-vantaġġ tal-Athleta li għalqu l-perjodu bi trippla minn Marie Claire Cilia 19-8. L-istess player fetħet it-tieni sessjoni bi trippla oħra i wara r-risposta ta’ Phoenix bi trippla ta’ Nicola Said, kien hemm sitt punti mingħajr risposta minn Athleta. Alexis Cutajar għamlet trippla għal Phoenix qabel ma Athleta għamlu break ta’ 11-2 biex daħlu jistrieħu 39-17 minn fuq.

Athleta komplew jagħfsu fil-ftuħ tat-tielet perjodu grazzi għal Ratomska u Leanne Sciberras u kabbru l-vantaġġ għal 30 punt 53-23. Phoenix komplew isibu diffikulta biex jiksbu l-punti u baskets minn Ratomska għalqu s-sessjoni fuq skor ta’ 59-26. L-aħħar sessjoni bdiet b’żewġ baskets ta’ Claire Ciantar għal Athleta b’ Phoenix jwieġbu b’punti ta’ Cutajar u Diane Pace. Calleja għamlet trippla għal Athleta b’Cutajar tkompli twieġeb għal Phoenix. Basket ta’ Justine Xuereb għalaq il-partita għal Athleta li rebħu l-partita 72-38.

           

Honey Athleta: M. De Martino 2, A. Ratomska 17, J. Xuereb 3, L. Calleja 13, L. Sciberras 9, M. A. Duca 4, C. Ciantar 4, E. Vella, M.C. Cilia 10, F. Farrugia 8, C. Mifsud 2.

Phoenix Petrus Pizza Qormi: M. Abela 5, V. Agius 6, M.R. Agius, D. Pace 4, N. Said 5, A. Cutajar 15, A. Abdilla, A. Demanuele 3.

Referees: Emanuel Mangani, Luke Camilleri.

 

Luxol 37
Alyssa Ashley Loyola 43

(10-11)(10-5)(11-12)(6-15)

 

F’ripetizzjoni tal-finali tal-kampjonat tal-istaġun li għadda u tal-pre-season tournament Alyssa Ashley Loyola għelbu lil Luxol 43-37. Iż-żewġ timijiet kellhom il-players Amerikani tagħhom neqsin – Mollie Williams ta’ Luxol imweġġa’ u Brietta Thomas ta’ Loyola trid tirreġistra uffiċjalment. Loyola kienu wkoll mingħajr Christina Grima u Beverie Sultana. Luxol fetħu vantaġġ bikri ta’ 8-3 wara erba’ minuti Wara basket ta’ Kristie Tonna għal Loyola u trippla ta’ Becky Naudi għal Luxol, Loyola għamlu break ta’ 9-0 biex fl-aħħar minuta 11-10. Luxol reġgħu bdew aħjar fit-tieni sessjoni mill-ġdid grazzi għal Naudi flimkien ma’ Mandi Sciortino. Fil-ħames minuta Sarah Pace għamlet trippla għal Luxol u fil-ħin li kien għad fadal saru biss erba’ punti minn Loyola għal skor baxx ta’ 20-16 fl-intervall,

Wara l-mistrieħ Luxol kabbru l-vantaġġ wara trippla minn Greta Zarb pero’ Loyola għamlu sitt punti konsekutttivi biex waslu punt il-bogħod 26-27. Luxol għamlu żewġ baskets oħra biex temmew is-sessjon 31-28 minn fuq. Loyola bdew aħjar mill-avversarji fl-aħħar sessjoni bi break ta’ 8-2 biex marru 3 minn fuq 36-33. Luxol ħadu l-vantaġġ għall-aħħar darba fit-tmien minuta 37-36, pero’ l-bqija tal-punti ġew minn Loyola li rebħu l-partita 43-37.

 

Luxol: S. Pace 5, M. Sciortino 5, C. Medina, B. Naudi 10, J. B. Gaerty 3, G. Zarb 5, P. Ellul 6, D. Muscat, M. Darmanin 2, K. Portelli 2.

Alyssa Ashley Loyola: P. Montanaro, J. Doughty 5, M. Gatt, D.Said Hollier 9, K. Tonna 14, A. Bonanno 7, J. Mangion, SJ Barbara 8, F. Camilleri

Referees: Alfred Carbonaro, Clive Terribile.

 

Mc Donalds Depiro 47
Hibernians 41

(14-6)(5-15)(15-4)(10-16)

 

Fl-aħħar partita, Mc Donalds Depiro għelbu lil Hibs 47-41 minkejja li l-aħħar akkwisti tagħhom Emma Moore u Beverlee Zammit ma setgħux jiġu utiliżżati mil-coachAdrian Mifsud. Hibs għadhom b’team magħmul kollhu minn players lokali hekk kif għadhom jistennew il-wasla tal-player minn Senegal. Depiro fetħu qawwi tant li Steffi De Martino għamlet l-ewwel basket wara erba’ sekondi u wara żewġ minuti kienu 9-0 minn fuq wara trippla minn Samantha Brincat. Sa tmiem is-sessjoni huma kellhom vantaġġ ta’ 8 punti 14-6. Hibs għamlu reazzjoni fit-tieni perjodu fejn wara li Brincat għamlet trippla oħra, huma għamlu break ta’ 12-0 biex marru minn fuq 19-17. Ir-risposta ta’ Depiro waslet minn żewġ free-throws qabel ma Joselle Borg Cardona għamlet l-aħħar basket biex Hibs temmew is-sessjoni 21-19 minn fuq.

Il-folja reġgħet inqalbet wara l-intervall. Depiro b’mod speċjali De Martino, għamlu run ta’ 10-0 biex reġgħu fetħu vantaġġ ta’ 8 punti 29-21. Borg Cardona wieġbet għal Hibs, pero De Martino u Francesca Biancho għamlu sitt punti għal Depiro biex temmew is-sessjoni 37-25 minn fuq. Il-partita baqgħet interessanti għaliex il-bidu tar-raba’ sessjoni reġa’ kien f’idejn Hibs li għamlu 9 punti mingħajr risposta biex reġgħu naqqsu d-distakk għal 3 punti 34-37. De Martino għamlet trippla pero’ fuq in-naħa l-oħra kien hemm Lucienne Bezzina li għamlet l-istess wara basket minn Maria Desira biex fid-disa’ minuta kien hemm punt biss bejn iż-żewġ timijiet bid-Depiro fuq quddiem 40-39. Punti minn Andrea Mifsud u De Martino taw ftit tan-nifs lil Depiro li kkontrollaw l-aħħar ħinijiet li kien fadal biex rebħu l-partita 47-41.

 

Mc Donalds Depiro: G. Mifsud, F. Biancho 8, S. Brincat 9, M. Bonnett, S. De Martino 22, M. Mifsud, M. Scicluna, L. Belcher 6, A. Mifsud 2, S. Micallef, C. Camilleri.

Hibs: J. Scerri 2, E. Cassar 2, R. Scerri, L. Bezzina 6, F. Mifsud, M. Desira 10, K. Gatt, A. Borg 2, N. Mifsud 4, E. Micallef, J. Borg Cardona 15, L. Micallef.

Referees: Emanuel Mangani, Luke Camilleri

 

 





Leave a comment