Allokati nofs miljun għal titjib fil-grawnds ta’ Għawdex

Monday, February 25, 2013, 19:49

Il-Gvern alloka s-somma ta’ nofs miljun Ewro għal titjib fil-grawnds madwar il-gżira ta’ Għawdex. Dan qalitu l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex waqt li kienet qed tindirizza laqgħa li saret fil-Kwartieri Ġenerali tal-Gozo Football Association (GFA) u li għaliha kienu preżenti r-rappreżentanti kollha tal-klabbs Għawdxin. Hija żiedet tgħid li dan se jkun ifisser, li f’Għawdex ser ikun hemm tliet pitches sħaħ oħra bit-turf sintetiku, flimkien ma’ oħrajn ta’ daqs ftit iżgħar. Il-Ministru Debono qalet li dan huwa xhieda oħra tal-impenn tal-Gvern b’risq il-qasam sportiv f’Għawdex.

 

Permezz ta’ din l-għajnuna ser isir iktar żvilupp fil-faċilitajiet tal-Gozo Stadium, b’mod partikolari fil-VIP Area,f’diversi pitches b’turf sintetiku u proġetti oħra. Dan kollu ser joffri livell ogħla meta f’Mejju 2014 ser isiru xejn inqas minn erba’ partiti mill-fażi finali tal-Kampjonat U/17 tal-UEFA.

 

Preżenti kien hemm ukoll il-President tal-GFA s-Sur Alvin Grech akkumpanjat minn uffiċjali għolja oħra tal-istess assoċjazzjoni. Minn naħa tiegħu s-Sur Grech irringrazzja lill-President tal-Malta Football Association, is-Sur Norman Darmanin Demajo għad-diversi taħdidiet li kienu strumentali biex sar dan il-ftehim.

 

 





Leave a comment