Alex Borg impenjat fir-rawnds ta’ kwalifikazzjoni tal-Kampjonat Mondjali

Tuesday, April 4, 2017, 16:15

Gavin Muscat

Il-plejer professjonali Malti tas-snooker Alex Borg għada t-Tlieta jħalli Malta fi triqtu lejn Sheffield fl-Ingilterra biex jieħu sehem fir-rounds ta’ kwalifikazzjoni tal-Kampjonat Mondjali organizzat mill-World Snooker Association. Ir-rounds ta’ kwalifikazzjoni ser jintlagħbu bejn nhar l-Erbgħa li ġej u l-Erbgħa 12 t’April ġewwa Ponds Forge f’Sheffield.

F’dawn ir-rounds ta’ kwalifikazzjoni jieħdu sehem il-plejers irrankjati bejn is-17 u l-128 post fid-dinja biex 16 minnhom jikkwalifikaw u jingħaqdu mal-aqwa 16 il-plejer mondjali (l-aħħar 32) fil-fażi finali li tintlagħab ġewwa l-Crucible Theatre ġo Sheffield ukoll bejn il-15 t’April u t-2 ta’ Mejju. Il-Kampjonat Mondjali huwa l-aktar tournament prestiġġjuż fil-kalendarju tal-World Snooker bir-rebbieħ fil-Finali tat-2 ta’ Mejju jirbaħ il-premju ta’ £375,000.

Borg proprju jkun fl-azzjoni nhar l-Erbgħa li ġej meta jiltaqa’ kontra l-Ingliż Stuart Carrington. Din il-logħba tkun fuq l-aħjar minn 19 il-frame bl-ewwel 9 frames jintlagħbu fil-11.00am (ħin ta’ Malta) waqt li fit-8.00pm (ħin ta’ Malta) jitkomplew l-10 frames l-oħra.

Fost il-logħbiet interessanti fl-ewwel round insibu lil Mark Williams kontra Zhao Xintong waqt li Jimmy White jiltaqa’ kontra Jack Lisowski, f’logħba li White irid jirbaħ biex iżomm postu fit-Tour Professjonali.

Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb minn fuq www.worldsnooker.com.





Leave a comment