- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

ALASTAIR RICHARDS JIRBAĦ IL-MAIN EVENT FIL-MISO 11

Posted By Sportinmalta On May 2, 2018 @ 10:59 am In Featured,Other | No Comments

Alastair Richards (New Zealand) rebaħ b’mod konvinċenti l-11-il edizzjoni tal-Malta International Scrabble Open, magħruf bħala l-MISO 11, hekk kif it-Tlieta filgħaxija ntemm l-event ewlieni f’ġimgħa ta’ logħob fis-Sala tal-Konferenzi tal-Luzzu Restaurant fil-Qawra.

Dan l-event ewlieni tal-MISO 11 beda l-Ħadd u ntlagħab fuq tliet ijiem, fejn b’kollox intlagħbu 25 rawnd. Kien imqassam f’żewġ diviżjonijiet bi 38 plejer f’Divizjoni A u 44 player f’Divizjoni B għal total ta’ 82 plejer.

Richards kien il-favorit u spiċċa fl-ewwel post b’total ta’ 19-il rebħa, segwit fit-tieni post mill-Indjan Goutham Jayaraman bi 17-il rebħa u nofs, waqt li l-Ingliz David Webb spiċċa fit-tielet post b’16-il rebħa.

Iċ-ċampjin Maltija Theresa Brousson irnexxielha wkoll tikseb 16-il rebħa, imma kellha tikkuntenta bir-raba’ post overall minħabba li kellha “spread” inferjuri għal Webb. “Spread” tfisser id-differenza fil-punti miskuba mil-logħob kollu li jkun intlagħab.

Ta’ min isemmi li plejer ieħor Malti, Cecil Muscat, irnexxielu jispiċċa fit-tmien post bi 15-il rebħa.

F’Divizjoni B kien hemm suċċess għall-plejer Maltija Pauline Cilia li ħarġet rebbieħa b’total ta’ 17-il rebħa u nofs. Paul Richards (Awstralja) spiċċa fit-tieni post bi 17-il rebħa, waqt li plejeer oħra Maltija, Josephine Mayo, kisbet it-tielet post bi 17-il rebħa wkoll imma bi “spread” inferjuri għal Richards.

Żewġ plejers oħra Maltin, Anna Borg u Sammy Mangion, spiċċaw fit-8 u d-9 post rispettivament, it-tnejn li huma bi 15-il rebħa.

Il-MISO 11 beda s-Sibt li għadda b’turnament ta’ jum wieħed fuq 9 rawnds, magħruf bħala Early Bird, li ntrebaħ mill-Ingliż Elie Dangoor li kiseb 9 rebħiet minn 9 logħbiet. Fit-tieni post spiċċa l-Pollakk Rafal Dominiczak bi 8 rebħiet, waqt li l-Ingliż Bob Violett spiċċa t-tielet b’7 rebħiet.

Hawnhekk kien hemm xejn inqas minn tliet plejers Maltin li spiċċaw b’7 rebħiet ukoll, jiġifieri Theresa Brousson, li kellha tikkuntenta bir-raba’ post, Charles Micallef il-ħames post u Cecil Muscat is-seba’ post.

F’dan it-turnament ħadu sehem 68 player bil-Maltin Josephine Mayo u Mario Camilleri jispiċċaw fl-ewwel żewġ postijiet rispettivament fost il-plejers tat-tieni kategorija.

Il-MISO 11 jintemm bl-ahhar tournament – dak li se jintlagħab fuq jumejn, jiġifieri l-Ħamis u l-Ġimgħa b’total ta’ 16-il rawnd u li fih mistennija jieħdu sehem ftit aktar minn 40 plejer.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/alastair-richards-jirbah-il-main-event-fil-miso-11/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.