Aktar minn 18.000 persuna ħadu sehem f’attivitajiet sportivi organiżżati mill-Kunsilli Lokali

Tuesday, November 27, 2012, 11:19

Għall-ħames sena konsekuttiva il-Kunsilli Lokali qed jingħataw l-opportunità li jipparteċipaw fi skema li permezz tagħha jorganizzaw attivitajiet sportivi għal kulħadd fil-komunitajiet tagħhom. Din l-informazzjoni ingħatat waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mis-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport Clyde Puli flimkien mal-Assistent Parlamentari Beppe Fenech Adami.

 

Is-Segretarju Parlamentari Clyde Puli ħabbar li bejn l-2009 u l-2012, 18,026 persuna ipparteċipaw f’459 attività sportiva organizzati mill-Kunsilli Lokali permezz tal-Iskema ta’ Inizjattivi Sportivi immexxija mill-Kunsill Malti għall-Isport. Huwa qal li din l-iskema qed tgħin lill-Gvern fil-missjoni tiegħu li jxettel kultura sportiva fost il-poplu Malti għaliex l-attivitajiet sportivi qed jittellgħu qrib l-individwu fil-komunità. Huwa saħaq li l-Gvern jemmen fil-valuri tal-isport, u għal dan il-għan qiegħed jipprowovi il-kunċett ta Sport għall-Kulħadd. Hu żied li sena wara l-oħra qed jiżdiedu l-Kunsilli Lokali li qed jipparteċipaw f’din l-iskema bl-ammont jitla’ minn 24 Kunsill Lokali fl-2009 għall-26 Kunsill Lokali din is-sena. Hu sostna wkoll li l-attivitajiet sportivi mtella żdiedu wkoll minn 84 attività fl-2009 għal 120-il attività din is-sena. Żdiedu wkoll il-numru ta’ parteċipanti minn 4,500 fl-2009 għal 5,145 din is-sena. L-Onor. Puli qal li fl-aħħar 4 snin u nofs il-Gvern mhux biss ħoloq programmi sportivi ġodda għall-faxxex differenti ta’ nies fosthomSchools on the MoveGirls on the MoveAdults on the MoveSenior Citizens on the Move u l-programmi ta’ wara l-iskola fi skejjel primarji u sekondarji iżda ipprovda diversi faċilitajiet biex jintużaw mill-Kunsilli Lokali u mill-pubbliku ġenerali. Fil-fatt il-Gvern qed jiftaħ il-Kumplessi Sportivi tal-Kottonera, tal-Marsa u Tal-Qroqq u ta’ Ħal Kirkop għall-pubbliku, filwaqt li sar investiment kbir fil-faċilitajiet sportivi fl-iskejjel biex wara l-ħinijiet tal-iskola jitgawdew mill-komunità.

 

L-Assistent Parlamentari Beppe Fenech Adami qal li l-Gvern qed jivvota €120,000 sabiex jitella’ dan il-programm għaliex jemmen li l-isport huwa importanti għas-saħħa ta’ kull individwu ta’ kull eta’. Huwa saħaq li permezz ta’ din l-iskema l-Kunsilli Lokali qed jieħdu l-inizjattiva u jtellgħu programmi sportivi fil-komunità. L-Onor Fenech Adami qal li grazzi għal din l-inizjattiva mill-Gvern ċentrali, in-nies qed jitrawmu fl-isport fil-komunità tagħhom.

 

Il-Kunsilli Lokali li ipparteċipaw f’din l-iskema fl-2012 kienu l-Belt Valletta; il-Birgu; il-Fgura; il-Fontana; il-Gudja; Għajnsielem; l-Għarb; Ħal Għargħur; Ħal Għaxaq; L-Iklin; Ta’ Kerċem; Hal Lija; Hal Luqa; il-Mellieha; l-Mtarfa; il-Munxar; in-Nadur; in-Naxxar; Ħal Qormi; il-Qrendi; is-Siġġiewi; San Pawl il-Bahar; ix-Xagħra; ix-Xewkija; ix-Xlendi u  iz-Zurrieq. Dawn il-Kunsilli Lokali tellgħu diversi attivitajiet sportivi fosthom aerobicspilates, għawm, lezzjonijiet ta’ fitness u festivals sportivi fost oħrajn.

 






Leave a comment