Aktar minn 1000 karozza għal Paqpaqli Għall-Istrina 2013

Wednesday, November 27, 2013, 10:11

 

  • L-attrazzjonijiet jinkludu s-supercars FireForce 3 Jet Car, il-Ferrari F430 Challenge u l-Lexus LFA

 

 Il-leġġendarja Ferrari F430 Challenge, li tista’ tinstaq mill-membri tal-pubbliku waqt Paqpaqli Ghall-Istrina 2013

Il-leġġendarja Ferrari F430 Challenge, li tista’ tinstaq mill-membri tal-pubbliku waqt Paqpaqli Ghall-Istrina 2013

Aktar minn 1,000 vettura mill-35 klabb lokali tal-karozzi se jkunu qed jipparteċipaw fl-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ Paqpaqli Għall-Istrina li se ssir fit-8 ta’ Diċembru 2013 fl-art tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u l-Lufthansa Tecknik. Dawn il-vetturi jinkludu karozzi klassiċi kif ukoll supercars lussużi u eżotiċi fost l-oħrajn.

L-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ Paqpaqli Għall-Istrina, li se tkun it-tmien edizzjoni, l-attrazzjonijiet se jkunu karatterizzati minn supercars ewlenin fosthom il-grandjuża FireForce 3 Jet Car, il-Ferrari F430 Challenge, u s-supercar ultra veloċi l-Lexus LFA. Membri tal-pubbliku jistgħu jibbukkjaw drive fil-Ferrari F430 Challenge u dettalji jistgħu jinkisbu billi tintbgħat email fuq paqpaqli2013@gmail.com

Il-leġġendarja Ferrari F430 Challenge hija l-varjant legali mhux tat-triq tal-Ferrari 430 tat-triq u ġiet immodifikata b’mod estensiv mill-Ferrari biex tingħata spinta lill-prestazzjoni tagħha fuq ċirkwit permezz ta’ tnaqqis estensiv fil-piż u tibdil fis-sospensjonijiet. Bħal f’karozzi Ferrari Challenge preċedenti l-magna 483hp bi 8 ċilindri baqgħet l-istess bħal tal-karozzi tat-triq ħlief għal titjib fl-aspirazzjoni permezz ta’ sistema ta’ egżost tal-karozzi tat-tlielaq u xi tibdil żgħir fil-ġestjoni tal-magna u xogħol dettaljat fl-inġinerija. It-trasmissjoni hija waħda sekwenzjali manwali b’6 veloċitajiet, operata permezz tal-pedali preżenti wkoll fl-F430. It-trasmissjoni tuża teknoloġija tal-F1 u tista’ tbiddel il-gerijiet f’150 ms.

Attrazzjoni oħra se tkun l-istunt show li fih se jieħdu sehem il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta u sewwieq riekeb Subaru Impreza li jipprova jaħrab waqt li jagħmel għadd ta’ manuvri perikolużi. L-ispettaklu se jibda billi s-Subaru Impreza tipprova tagħmel il-ħarba tagħha u din se tiżviluppa f’ġirja bil-karozzi tal-pulizija. Dan l-ispettaklu, li se jiġi ripetut tliet darbiet matul Paqpaqli Għall-Istrina 2013, se jintemm b’parti interattiva li fiha se jieħdu sehem tfal ta’ bejn it-3 sa 6 snin hekk kif is-sewwieq li pprova jaħrab jiġi ‘arrestat’.

Waħda mill-attrazzjonijiet ewlenin tal-avveniment hija biex is-sidien tal-karozzi u l-muturi veloċi jisfidaw il-limitu tal-vetturi tagħhom f’dik li potenzjalment hija l-aktar biċċa tarmak dritta u sigura f’Malta. Mas-snin dan l-avveniment kiseb il-popolarità u ħafna mill-viżitaturi se jkunu ħerqana biex jinġabru mar-runway biex jaraw karozzi u muturi sbieħ tnejn tnejn f’ringiela f’tarf tar-runway u jerħulha b’veloċità kbira f’tentattiv biex jilħqu l-veloċità massima tal-vettura sal-aħħar tagħha.

Barra minn hekk, wieħed jista’ jagħti rigal ta’ esperjenza motoristika indimentikabbli lilu nnifsu, jew lil xi qraba jew ħbieb permezz ta’ vawċer. Paqpaqli Għall-Istrina 2013 qed torganizza l-ewwel ‘attakk tal-ħin’ fejn aktar minn 100 karozza se jikkompetu għall-aqwa ħin tal-ġurnata madwar ċirkwit teknikament iddisinjat li żgur se joffri veloċitajiet interessanti u dawran fil-kurvi b’veloċitajiet kbar f’ambjent sigur.

Sadanittant, din is-sena l-All Wheel Drive Club se jkun qed jorganizza attività ta’ insegwiment, bl-aqwa vetturi offroad f’Malta jikkompetu kontra ostakli artifiċjali f’ċirkwit offroad iddisinjat apposta.

L-avveniment mhuwiex biss dwar l-isport tal-karozzi, iżda ġie organizzat b’tali mod li jattira l-familja kollha b’attrazzjonijiet għat-tfal, divertiment tul il-ġurnata kollha, u għażla ta’ stands tal-ikel u x-xorb. Id-DJs Kenny u Mykill Cini se jkunu qed jipprovdu d-divertiment mużikali. Se jkun hemm spazju biżżejjed disponibbli għall-parkeġġ peress li l-viżitaturi se jkunu jistgħu jużaw is-servizz tax-shuttle bus permezz ta’ faċilitajiet tal-park and ride.

Paqpaqli Għall-Istrina saret waħda mill-avvenimenti ewlenin fil-kalendarju motoristiku Malti u kontributur ewlieni lejn fondi għall-Istrina u l-Malta Community Chest Fund. L-avveniment motoristiku popolari annwali Malti huwa organizzat minn tim f’isem il-Malta Community Chest Fund flimkien ma’ Tonio Darmanin u l-Malta Motorsport Federation.

Għal aktar informazzjoni u biex jibbukkja l-ġirja tal-ħolm kif ukoll it-tlielaq matul ir-runway u ċ-ċirkwit tal-attakk tal-ħin, wieħed jista jibgħat email fuq paqpaqli2013@gmail.com jew jagħmel ‘like’ fuq il-paġna ta’ ‘Paqpaqli Għall-Istrina’ fuq Facebook biex jikseb l-aħħar aġġornamenti.

Paqpaqli Għall-Istrina se ssir fit-8 ta’ Diċembru 2013 bejn id-09.00 ta’ filgħodu u t-3:30 ta’ wara nofsinhar. Id-dħul se jkun bi ħlas nominali ta’ €10 għall-adulti u €2 għat-tfal taħt it-12-il sena bid-dħul kollu jmur għall-kampanja tal-Istrina u l-Malta Community Chest Fund. Il-Biljetti jistgħu jinxtraw mill-uffiċċji tal-Malta Community Chest Fund fil-Palazz ta’ San Anton, jew mal-bieb fil-ġurnata.





Leave a comment