- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

AKTAR MIDALJI GHALL-ATLETI MALTIN TAL-MESA F’LA BAULE

Posted By Sportinmalta On May 26, 2018 @ 12:33 pm In Featured,Other | No Comments

L-atleti Maltin li qed jieħdu sehem f’isem il-Malta Employees Sports Association (MESA) fil-World Company Sport Games f’La Baule fi Franza komplew jirbħu aktar midalji fit-tieni jum tal-logħob, bl-atleta Marilyn Grech tkun il-protagonista bir-rebħ ta’ midalja tad-deheb u oħra tal-fidda wara li kienet rebħet waħda tal-bronz il-Ħamis.

Grech, li qed tieħu sehem fil-Kategorija A (18-30 sena), bdiet bir-rebħ tal-midalja tal-fidda filgħodu fil-200 metru, biex imbagħad waranofsinhar rebħet id-deheb fl-400 metru.

Midalja oħra fl-atletika ntrebħet minn Mark Mifsud li spiċċa t-tielet fl-400 metru biex rebaħ it-tieni midalja tal-bronz personali. Huwa kien viċin ħafna wkoll li jirbaħ midalja fil-200 metru fejn spiċċa r-raba’ punt 20 ta’ sekonda wara l-atleta li spiċċa fit-tielet post.

Dan ifisser li fl-atletika b’kollox intrebħu 10 midalji – tnejn tad-deheb, tlieta tal-fidda u ħamsa tal-bronz.

Midalja oħra tal-bronz intrebħet minn Joseph Mallia fid-Darts wara li spiċċa fit-tielet post fit-turnament individwali. Fl-ewwel żewġ postijiet spiċċaw l-plejers Ġermanizi, bir-rebbieħ Anthony Henton isofri telfa waħda biss kontra l-istess Mallia.

It-tim Malti tal-Badminton, li qed jieħu sehem fis-Senior Teams Event, huma assigurati mir-rebħ ta’ midalja wara li għaddew għas-semifinali li se jintlagħbu s-Sibt filgħodu.

Iż-żewġ timijiet Maltin tal-Bowling ikkwalifikaw għall-finali tas-Sibt filgħodu wara li l-MIA spiċċaw il-ħames u l-BOV is-sittax minn 32 tim li ħadu sehem.

Fil-Beach Volley, kemm it-tim tal-irġiel kif ukoll dak tan-nisa tilfu fil-kwarti tal-finali u se jilagħbu għal bejn il-5 u t-8 post.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/aktar-midalji-ghall-atleti-maltin-tal-mesa-fla-baule/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.