Aktar kumplessi, aktar dixxiplini u ħin itwal f’Summer On The Move

Wednesday, May 27, 2015, 16:33

Illum tnieda Summer on the Move 2015; il-programm ta’ sport u attività fiżika organizzat mill-Kunsill Malti għall-Isport fix-xhur sajfin. Dettalji tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret illum fil-Kumpless Sportiv tal-Basketball.

Fl-indirizz tiegħu s-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport Chris Agius tkellem dwar il-bżonn li l-Gvern iressaq l-isport lejn in-nies sabiex aktar nies ikunu fiżikament attivi. Huwa semma’ li waqt li kien għaddej manutenzjoni fil-pixxina, bl-għajnuna tal-KMS kien qed isir xogħol ta’ manutenzjoni fl-akwati madwar il-kumpless tal-basketball f’Ta’ Qali fosthom tpoġġija ta’ tarmac. Filwaqt li faħħar l-impenn li qed tagħmel l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Basketball kemm f’infrastruttura u anke f’taħriġ, is-Segretarju Parlamentari rringrazzja lill-istess Assoċjazzjoni li ser tkun qed tiftaħ il-bibien tagħha għall-Summer on the Move sa minn din l-edizzjoni. Agius semma’ wkoll li minn Settembru li ġej kemm Skola Sport kif ukoll Summer on the Move ser ikollhom bidla fid-dehra bħala parti mir-rebranding tal-entità.

Iċ-Ċermen tal-Kunsill Malti għall-Isport Luciano Busuttil ukoll aċċenna għas-siti ġodda li ser ikunu utilizzati u semma’ dak ta’ Selmun fejn nhar il-Ġimgħa ser issir SportsFest li hija miftuħa għal kulħadd. Huwa tenna li l-għan tal-KMS huwa li jkun hemm aktar parteċipanti mis-sena li għaddiet, filwaqt li jinżamm il-livell tal-kowċis. Luciano Busuttil qal li Summer on the Move ser tagħlaq bil-European Move Week, ġimgħa ta’ attivitajiet sportivi b’xejn li l-għan tagħhom huwa li jressqu aktar persuni lejn l-isport.

Programmes manager Robert Portelli ta dettalji dwar din l-edizzjoni ta’ Summer on the Move, fejn għad-differenza tas-snin li għaddew il-programm ser ikun mifrux fuq aktar kumplessi. Huwa semma’ li barra ċ-ċentri tradizzjonali li qabel kienu jospitaw Summer on the Move jigifieri dawk tal-Kottonera, Tal-Qroqq, Kirkop, Siġġiewi u Mosta, għal din is-sena żdiedu l-Basketball Sport Complex Ta’ Qali, Selmun Activity Park fil-Mellieħa u l-Kumpless Sportiv tal-Marsa ser ikun utilizzat ukoll fis-sajf. Dan kollu qed isir sabiex kulħadd ikollu ċentru qrib id-dar tiegħu fejn jattendi. Il-programm għandu wkoll attivitajiet fil-Birżebbuġa Sailing Club u Badger Karting Ta’ Qali.

Għal din is-sena ma żdidux biss il-kumplessi, però żdiedu wkoll id-dixxiplini sportivi fosthom l-archery, il-golf, il-cricket, non-contact boxing, rhytmic gymnastics, il-futsal, il-hockey, mini-waterpolo u line dancing. F’Summer on the Move 2015 tnaqqset ukoll l-età u minn din id-darba tfal sa mill-età ta’ sentejn jistgħu jibdew jattendu għas-sessjonijiet tal-għawm flimkien mal-ġenituri tagħhom. Minn barra dan kollu ttawwal il-ħin u wħud mis-sessjonijiet ser jibdew fit-8.00 am u jibqgħu sejrin sas-2.00 pm.

Indirizza l-konferenza l-President tal-Malta Basketball Association Pawlu Sultana li qal li l-padiljun il-ġdid sar bl-għajnuna tal-Gvern u allura bix-xieraq li l-MBA tagħti xi ħaġa lura lill-komunità filwaqt li tiżgura li l-faċilitajiet ikunu utilizzati mill-aħjar mod possibbli. Huwa qal li l-Assoċjazzjoni hija kommessa li taħdem mal-KMS sabiex jitkabbar aktar l-isport b’mod partikolari il-basketball f’pajjiżna.

Summer on the Move jibda fit-13 ta’ Lulju u jibqa’ sejjer sat-12 ta’ Settembru. Aktar informazzjoni dwar il-programm Summer on the Move jew sabiex wieħed japplika onlajn, wieħed jista’ jżur is-sit elettroniku www.sportmalta.org.mt jew billi jċempel fuq 22036281 jew jibgħat email fuq programmes@sportmalta.org.mt





Leave a comment