- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Aktar impenji nternazzjonali għal referee lokali

Posted By sportinmalta1 On February 17, 2014 @ 4:32 pm In Basketball,Featured | No Comments

Matul din il-ġimgħa, ir-referee Malti tal-basketball Bernard Vassallo se jikkontrolla s-seba’ partita internazzjonali tiegħu mill-kompetizzjonijiet FIBA fl-istaġun 2013/14 hekk kif irċieva nominazzjoni oħra mill-istess FIBA Europe bid-destinazzjoni din id-darba tkun Spanja.

Fil-fatt Vassallo, nhar l-Erbgħa 19 ta’ Frar, se jkun qed jikkontrolla il-partita mistennija u valida minn Grupp C tal-FIBA EuroLeague li se tintlagħab ġewwa l-Pabellon Wurzburg bejn Salamanca u r-Russi ta’ Spartak Moscow.

Din hija l-ġurnata ta’ qabel tal-aħħar fl-istaġun regolari biz-żewġ naħat f’taqtiegħa assoluta biex jgħaddu għal play-offs.

Preżentament fi Grupp C, magħmul minn seba’ timijiet, Spartak Moscow jinsabu fit-tieni post b’seba’ rebhiet minn għaxar logħbiet waqt li Salamanca qed jaqsmu t-tielet post, flimkien ma’ Galatasaray, b’sitt rebhiet ukoll minn għaxar partiti.

Fl-ewwel round f’Diċembru li għadda ġewwa Moska, Spartak kienu ghelbu lil Salamanca 66-57.

L-uffiċjali l-oħra għal partita ta’ nhar l-Erbgha, minbarra Vassallo, se jkunu Marko Vuckovic (Slovenja) u Jean Collin (Franza).


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/aktar-impenji-nternazzjonali-ghal-referee-lokali/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.