- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Aktar Impenji Kontinentali għal referee lokali

Posted By sportinmalta1 On December 17, 2013 @ 6:29 pm In Basketball,Featured | No Comments

Ir-referee internazzjonali lokali tal-basketball Bernard Vassallo irċieva aktar nominazzjoniet mill-FIBA Europe u se jmur Franza għal żewġ partiti kmieni din il-ġimgħa.

Fil-fatt Vassallo, nhar it-Tlieta 17 ta’ Diċembru, se jkun qed jikkontrolla il-partita valida minn Grupp G tal-FIBA Euro Challenge li se tintlagħab fil-Meillaraie Arena ġewwa Cholet bejn l-istess Franċiżi ta’ Cholet u t-team Daniż Aarhus.

Dan iż-żewġ naħat qegħdin fil-quċċata ta’ dan il-grupp b’Cholet l-ewwel b’erba’ rebħiet minn ħames partiti waqt li Aarhus jinsabu warajhom bi tliet suċċessi minn ħames logħbiet. Fl-ewwel round, fil-partita li ntlagħbet id-Danimarka, Cholet kienu rebħu b’distakk marġinali, 68-66, b’basket fl-aħħar tliet sekondi.

L-għada, l-Erbgħa 18 ta’ Diċembru, Vassallo se jmur Montpellier fejn hemmhekk se jikkontrolla l-partita valida minn Grupp B tal-FIBA EuroLeague bejn Lattes Montpellier u Wisla Krakow mill-Polonja.

Din hija l-aħħar ġurnata mill-ewwel round tal-grupp li qed jiġi ddominat minn Fenerbahce b’ħames rebħiet konsekuttivi imma hemm taqtiegħa nteressanti għat-tieni post b’ħames naħat, inkluż Montpellier u Krakow, li jinsabu kollha b’żewġ rebħiet.

L-uffiċjali l-oħra għal dawn iż-żewġ partiti, minbarra Vassallo, se jkunu Doru Vinasi (Rumanija) u Dragan Kralj (Bosnija).

Dawn mhux se jkunu l-uniċi mpenji għal Vassallo f’din il-ġimgħa peress li fi tmiem il-ġimgħa se jerġa jirritorna l-Ingilterra fejn se jkompli jireffja fil-league professjonali Brittaniku BBL.

Fil-fatt Vassallo se jkollu kalendarju mimli b’sitt partiti fi spazju ta’ kważi ġimgħatejn bl-ewwel tnejn se jkunu ġewwa Worcester u Birmingham nhar il-Ġimgħa 20 u s-Sibt 21 ta’ Diċembru rispettivament.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/aktar-impenji-kontinentali-ghal-referee-lokali/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.