Aktar faċli milli mistenni għall-Athleta

Tuesday, December 17, 2013, 22:10

TAZZA LOUIS BORG IRĠIEL

minn Colin Schembri

Is-sitt kompetizzjoni tal-basketball lokali tal-irġiel bdiet bir-round preliminari fejn kien hemm ukoll il-parteċipazzjoni ta’ team mit-tieni diviżjoni Mellieħa Tritones li ltaqgħu kontra Siġġiewi. Fil-partiti l-oħra Floriana Royce ltaqgħu kontra Starlites fil-waqt li f’repetizzjoni tal-finali tal-istaġun li għadda l-holders Pavi Depiro ltaqgħu kontra A to Z Electronics Athleta.

Starlites 55

Floriana Royce 66

(13-11)(15-18)(14-13)(13-22)

Ic-champions Floriana Royce fetħu vantaġġ ta’ 11 –il punt fl-ewwel leg tal-partita kontra Starlites meta ħarġu rebbieħa 66-55. Però kien biss lejn l-aħħar minuti li dan il-vantaġġ immatura għaliex għal ħafna ħin matul il-partita iż-żewġ timijiet kienu viċin xulxin. Floriana għadhom mingħajr Dirk Schembri fil-waqt li Derek Elston kellhu l-aktar partita kwieta kemm ilhu jilgħab f’pajjiżna. Għal dan pattew Peter Shoults u l-veteran Sassoun Saakian li bejniethom kisbu 46 punt minn total ta’ 66 ta’ Floriana. Starlites bdew tajjeb bil-punti ta’ Marco Todorovic u Floriana wieġbu bil-punti ta’ Shoults u Saakian u f’nofs is-sessjoni kien hemm parita 5-5. Todorovic reġa’ poġġa lil Starlites minn fuq qabel ma trippla ta’ Shoults u punti ta’ Saakian taw il-vantaġġ lic-champions. Qabel intemmet is-sessjoni Starlites reġgħu marru minn fuq bil-punti ta’ Todorovic u Robert Bonnici għal skor ta’ 13-11. Fit-tieni sessjoni Floriana bdew b’run ta’ 9-3 bil-punti ta’ Shoults fosthom trippla u l-ewwel basket ta’ Elston però sas-sitt minuta Starlites ġabu l-iskor indaqs 22-22 wara baskets minn Jeremy Curmi u Graham Coleiro.  Ic-champions marru għal darb’oħra minn fuq permezz ta’ Shoults u Saakian però Coleiro reġa’ ġab l-iskor indaqs. Floriana marru fuq quddiem bi trippla ta’ Saakian u huma daħlu jistrieħu punt minn fuq 29-28.

Wara l-intervall, reġa’ kien Saakian bi trippla oħra għac-champions qabel ma Starlites kellhom tlett baskets konsekuttivi minn Bonnici u Todorovic. Il-vantaġġ kompla jinbidel kontinwament u trippla ta’ David Camilleri tat vantaġġ ta’ 3 punti lil Floriana 41-38. Huma ma damux igawdu l-vantaġġ għaliex Starlites marru fuq quddiem b’baskets ta’ Bonnici u Todorovic għal parita 42-42 fi tmiem is-sessjoni. Starlites baqgħu minn fuq fil-ftuħ tar-raba’ sessjoni b’aktar punti minn Todorovic u Saviour Bonnici. Hawn Floriana kellhom mument tajjeb b’żewġ trippli minn Camilleri u Shoults fi break ta’ 8-0. Starlites inħasdu u għamlu biss żewġ freethrows minn Robert Loporto. Floriana komplew bi break ieħor ta’ 11-0 bi trippla ta’ Elston u marru 66-52 minn fuq. Starlites għalqu l-partita bi trippla ta’ Bonnici għal skor ta’ 66-55.

Starlites: M. Todorovic 25, R. Loporto 2, R. Bonnici 12, A. Schembri, S. Bonnici 6, A. Cutajar, J. Curmi 2, B. Soler, G. Coleiro 8.

Floriana Royce: O. Shamala, D. Elston 6, D. Camilleri 10, P. Shoults 26, S. Borg, C. Calleja, S. Saakian 20, D. Agius 10.

Referees: Emanuel Mangani, Steve Gouder, Teemu Helenius.

Remax Citadel Siġġiewi 98

Mellieħa Tritones 54

(25-10)(26-14)(26-19)(21-11)

Mellieħa Tritones applikaw biex jieħdu sehem f’din il-kompetizzjoni u l-polza laqqagħthom kontra Remax Citadel Siġġiewi. Kif mistenni Siġġiewi ma kellhomx diffikulta biex joħorġu rebbieħa 98-54 fejn Ivo Hoeger kien dominanti kontra n-nuqqas ta’ tul ta’ Mellieħa. Wara basket minn Samuel Aquilina għal Mellieħa kien hemm run ta’ 10-0 minn Siġġiewi b’baskets ta’ Steve Sammut, Lee Ross u Malcolm Mallia fost l-oħrajn. Mellieħa wieġbu bil-punti ta’ Joshua Aquilina u trippla ta’ Rihards Polis. Siġġiewi komplew bi 8 punti oħra minn Sammut u Hoeger qabel ma Clint Grixti għamel trippla għal Mellieħa. L-aħħar punti ġew minn Siġġiewi fosthom trippla ta’ Sammut għal skor ta’ 25-10. Fit-tieni perjodu kien hemm bidu bilanċjat fejn Alan Borg kellhu trippla għal Siġġiewi b’Mellieħa wkoll ikollhom trippla minn Aquilina. Mellieħa komplew bi break qasir ta’ 7-2 u naqqsu d-distakk għal 12 –il punt 22-34. Wara time-out, Siġġiewi għamlu run sabiħa ta’ 17-2 bi trippla ta’ Louis Camilleri u daħlu jistrieħu 51-24 minn fuq.

Fit-tielet perjodu Siġġiewi komplew bi break ieħor ta’ 11-2 bi Chris Sammut jagħmlu trippla flimkien ma’ diversi punti ta’ Hoeger. Ir-risposta ta’ Mellieħa ġiet minn punti ta’ Samuel Aquilina u Polis iżda Siġġiewi komplew iżidu d-distakk bi trippla ta’ Lee Ross. Hoeger kompla jikseb il-punti għal Siġġiewi għal skor ta’ 77-43 fi tmiem it-taqsima. L-aħħar sessjoni kompliet bl-istess andament bis-Siġġiewi jżidu l-vantaġġ kontinwament għalkemm l-aħwa Aquilina tħabtu biex jagħmlu l-punti għal Mellieħa. Il-partita ntemmet bi trippla oħra tas-Siġġiewi minn John Paul Antoncic u baskets ta’ Hoeger għal skor final ta’ 98-54.

Remax Citadel Siġġiewi: C. Doublet, A. Debattista 2, S. Sammut 13, C. Sammut 9, L. Camilleri 8, A. Borg 3, L. Ross 5, J.P. Antoncic 11, I. Hoeger 44, M. Mallia 3.

Mellieħa Tritones: C. Grixti 5, J. Muscat 6, S. Aquilina 12, P. Magro, O. Sammut 4, J. Aquilina 8, R. Polis 19, R. Roznovski.

Referees: Steve Gouder, Clive Terribile, Emanuel Mangani

A to Z Electronics Athleta 74

Pavi Depiro 57

(14-18)(16-11)(16-14)(28-14)

Fl-aktar partita mistennija mir-round preliminari, A to Z Electronics Athleta fetħu vantaġġ ta’ 17 –il punt kontra Pavi Depiro biex issa se tkun diffiċli għal Depiro biex jiddefendu dan l-unur li rebħu l-istaġun li għadda. L-inklużjoni ta’ Matthew Zammit saħħet lil Athleta b’Chad Patus ikollu wirja oħra posittiva. Depiro kellhom lil Amerikan Turrell Morris immarkat tajjeb iżda żammew il-pass mal-Athleta fl-ewwel tlett sessjonijiet però fl-aħħar sessjoni bdew jagħġġlu hekk kif donnhom insew it-tieni leg. Depiro fetħu bi trippla ta’ Samuel Bartolo b’Patus iwieġeb għall- Athleta. Depiro reġgħu marru minn fuq bil-punti ta’ Morris u Roderick Vella flimkien ma’ Bartolo hekk kif il-punti tal-Athleta ġew biss minn Patus u Michael Naudi. Depiro żammew vantaġġ ta’ 4 punti sa’ tmiem l-ewwel sessjoni 18-14 iżda Athleta ġabu l-iskor indaqs fit-tieni sessjoni 20-20 wara tlett baskets ta’ Patus. Bartolo għamel trippla oħra għal Depiro bl-Athleta jmorru minn fuq 26-25 wara żewġ baskets ta’ Omar Said. Sal-intervall Athleta rnexxielhom iżommu vantaġġ ta’ punt 30-29.

Fit-tielet taqsima Athleta bdew tajjeb bil-punti ta’ Naudi biex kabbru d-distakk minkejja trippla ta’ Vella għal Depiro. Depiro għamlu break ta’ 7-2 biex reġgħu marru minn fuq 39-38 iżda Athleta kellhom it-trippli minn Said u Steve Schembri biex reġgħu marru minn fuq u fetħu vantaġġ ta’ 3 punti għar-raba’ taqsima 46-43. Wara żewġ baskets fuq kull naħa, Athleta kellhom run tajba ta’ 12-0 bil-punti ta’ Patus, Naudi u Zammit biex marru 15 –il punt minn fuq 62-47. Depiro kellhom trippla minn Morris iżda Said ukoll għamel trippla għall- Athleta. Depiro tħabtu biex inaqqsu d-distakk u għamlu ħames punti oħra però Athleta reġgħu żiedu l-vantaġġ wara break ta’ 7-0 biex rebħu l-partita 74-57.

A to Z Electronics Athleta: M. Naudi 20, H. Soufian, D. Bugeja 4, C. Patus 28, W. Spiteri, O. Said 14, S. Pace, B. Bartolo, D. Ross, M. Zammit 2, S. Schembri 6.

Pavi Depiro: R. Vella 9, N. Sultana 10, T. Morris 17,  A. Aquilina, A. Portelli, S.P. Bartolo 17, A. Axiaq 4, E. Lupo, I. Tanti.

Referees: Bernard Vassallo, Teemu Helenius, Clive Terribile.

Floriana Royce 77

Starlites 51

(14-10)(21-15)(19-20)(23-6)

Ic-champions Floriana Royce kisbu t-tieni rebħa fuq Starlites biex għaddew għas-semifinali b’aggregate ta’ 143-106. Floriana kellhom lura lil Dirk Schembri għal din il-partita. Sas-seba’ minuta tal-ewwel sessoni Floriana kienu diġa 12-4 minn fuq b’diversi punti ta’ Elston flimkien ma’ Peter Shoults u Schembri. Starlites kellhom erba’ punti minn Marco Todorovic qabel ma s-sessjoni għalqet b’basket fuq kull naħa għal skor ta’ 14-10. It-tieni sessjoni fetħet b’żewġ three pointers minn Shoults f’run oħra tac-champions ta’ 7-0 għal skor ta’ 21-10. Starlites wieġbu bi trippla ta’ Robert Bonnici u iktar baskets ta’ Todorovic meta kellhom run ta’ 13-4 u waslu sa’ basket ‘l bogħod mill-avversarji 23-25. Floriana rkupraw u kellhom iktar punti minn Shoults u Schembri f’run ta’ 10-2 biex daħlu jistrieħu 10 minn fuq 35-25.

Fit-tielet sessjoni Floriana kabbru l-vantaġġ b’żewġ baskets ta’ Elston flimkien ma’ Clayton Calleja. Hawn Starlites reġgħu għamlu break ieħor ta’ 10-0 u għal darb’oħra resqu viċin tal-avversarji 37-43. Sat-tmiem il-perjodu ż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin u Floriana temmewh disa’ minn fuq 54-45. Fl-aħħar taqsima, bi Floriana 20 punt minn fuq fl-aggregate il-partita kienet virtwalment magħluqa u c-champions kellhom run ta’ 12-0 fl-ewwel erba’ minuti. Wara basket ta’ Todorovic, Shoults kellhu trippla oħra għal Floriana li għalqu l-partita bi break ieħor ta’ 11-2 biex rebħu l-partita 77-51.

Floriana Royce: O. Shamala, D. Elston 21, D. Camilleri 4, P. Shoults 29, S. Borg, C. Calleja 2, D. Schembri 19, S. Saakian, D. Agius 2.

Starlites: M. Todorovic 35, R. Loporto, R. Bonnici 8, A. Schembri, S. Bonnici 6, A. Cutajar, J. Curmi 2, B. Soler, G. Coleiro, M. Vassallo.

Referees: Stephen Micallef, Steve Gouder, Teemu Helenius.

Pavi Depiro 53

A to Z Electronics Athleta 60

(5-24)(10-12)(15-17)(23-7)

A to Z Electronics Athleta kisbu rebħa oħra fuq Pavi Depiro 60-53 wara r-rebħa fl-ewwel leg għal skor bl-aggregate ta’ 134-110. Biż-żewġ timijiet jaqsmu l-ewwel post tal-klassifika tal-kampjonat BOV, kien mistenni iktar minn din il-partita iżda wara l-iżbalji ta’ Depiro fl-aħħar sessjoni tal-ewwel partita u l-bidu qawwi tal-Athleta fit-tieni waħda għalqu kmieni d-diskors tal-kwalifikazzjoni. Fil-fatt wara li Depiro bdew il-partita bi trippla minn Samuel Paul Bartolo, Athleta kellhom run stupenda ta’ 22-0. Huma bdew bil-punti ta’ Chad Patus u David Bugeja flimkien ma’ Matthew Zammit u Omar Said b’dan tal-aħħar jagħmel trippla. Is-sessjoni ntemmet b’basket ta’ Bartolo għal Depiro u Zammit għall-Athleta għal skor ta’ 24-4. Fit-tieni sessjoni l-punti naqsu wara li Athleta kellhom trippla minn Patus flimkien ma’ Michael Naudi. Depiro wieġbu bi break qasir ta’ 6-0 bl-ewwel u l-uniċi punti tal-Amerikan Turrell Morris. Patis reġa kiseb il-punti għall-Athleta biex fl-intervall huma kienu 36-15 minn fuq.

Fit-tielet perjodu, Depiro bdew b’erba’ freethrows u żewġ baskets biex naqqsu d-distakk għal 15 –il punt 23-38. Athleta reġgħu għamlu run ta’ 15-4 b’żewġ trippli minn Said u Steve Schembri għal skor ta’ 53-30 fi tmiem is-sessjoni. Fl-aħħar taqsima b’diversi players ta’ fuq il-bank fil-court, Athleta naqqsu xi ftit ir-ritmu. Dan wassal lil Depiro biex iżidu l-punteġġ tagħhom fosthom b’run ta’ 19-5 b’punti minn Anton Axiaq, Roderick Vella u Abraham Portelli. Sa’ tmiem il-partita huma rnexxielhom iġibu l-iskor aktar rispettabli biex Athleta ħarġu rebbieħa 60-53.

Pavi Depiro: R. Vella 4, N. Sultana 11, T. Morris 2,  A. Aquilina 8, A. Portelli 8, S.P. Bartolo 8, A. Axiaq 12, E. Lupo, I. Tanti.

A to Z Electronics Athleta: M. Naudi 7, H. Soufian, D. Bugeja 5, C. Patus 17, W. Spiteri, O. Said 12, S. Pace 2, B. Bartolo, D. Ross, M. Zammit 9, S. Schembri 8.

Referees: Bernard Vassallo, Teemu Helenius, Clive Terribile.

Mellieħa Tritones 49

Remax Citadel Siġġiewi 84

(8-21)(14-11)(9-31)(18-21)

Ftit li xejn hemm x’jintqal fuq din il-partita hekk kif Remax Citadel Siġġiewi għelbu lil Mellieħa 84-49 biex saru r-raba’ team li kkwalifika għal finali. Siġġiewi bdew bl-ewwel 10 punti tal-partita fejn kif ġara fl-ewwel leg, Ivo Hoeger kien dominanti. Wara li Mellieħa għamlu basket minn Rihards Polis, Siġġiewi komplew b’disa’ punti oħra biex temmew l-ewwel sessjoni 21-8 minn fuq. It-tieni sessjoni kienet iktar bilanċjata b’Siġġiewi b’diversi sostituti fuq il-court. Mellieħa rnexxielhom jerbħu din is-sessjoni hekk kif kellhom it-trippli minn Polis u Oliver Sammut biex fl-intervall Siġġiewi kienu minn fuq 32-22.

It-tielet sessjoni wkoll kienet bilanċjata fl-ewwel minuti biż-żewġ timijiet iwieġbu lil xulxin b’Polis jagħmel trippla oħra. Però minn nofs is-sessjoni ‘quddiem kien hemm run ta’ 22-2 minn Siġġiewi bi three pointers ta’ Steve Sammut u baskets ta’ Lee Ross u Louis Camilleri għal skor ta’ 63-31. Fl-aħħar taqsima l-partita baqgħet bl-istess andament hekk kif għal Mellieħa kien hemm il-punti ta’ Joshua Aquilina fil-waqt li Hoeger kompla jżid il-punteġġ tiegħu biex finalment Siġġiewi rebħu l-partita 84-49.

Mellieħa Tritones: C. Grixti 2, M. Farrugia 2, S. Aquilina 10, R. Roznovski, O. Sammut 10, J. Aquilina 9, R. Polis 12, P. Cauchi 4, K. Cucciardi.

Remax Citadel Siġġiewi: C. Doublet 2, A. Debattista 2, S. Sammut 10, C. Sammut 4, N. Falzon 3, L. Camilleri 6, L. Ross 18, J.P. Antoncic, I. Hoeger 37, M. Mallia 2.

Referees: Clive Terribile, Emanuel Mangani, Teemu Helenius





Leave a comment