Ahtleta u Starlites jirbħu l-partiti tal-ftuħ

Monday, November 16, 2015, 20:42

KAMPJONAT BANK OF VALLETTA 2 DIVIŻJONI

minn Colin Schembri

Gżira Athleta 51

St. Nicholas Suns 47

(9-11)(15-18)(13-10)(14-8)

Bi skor identiku għal dak li bih eleminaw lil Phoenix mill-BOV knock-out, Athleta fetħu l-impenji tagħhom b’rebħa kontra St. Nicholas Suns. Peter Farrugia reġa’ sab posthu fuq il-bank tal-Athleta li rkupraw ukoll lil Francesco Mifsud Bonnici u lil Martin Krastev.  Suns kellhom lil Roberto Alosco nieqes però rkupraw lil Keith Scicluna u Robert Camilleri fil-waqt li ppreżentaw ukoll player Amerikan Brent Liebe. Fil-ftuħ tal-partita Athleta bdew il-partita bi trippla ta’ Mifsud Bonnici però Suns marru fuq quddiem wara l-punti ta’ Keith Scicluna. Athleta komplew b’sitt punti mingħajr risposta bis-Suns iwieġbu bil-punti ta’ Hubert Agius u trippla ta’ Michael Barberi biex temmew is-sessjoni 11-9 minn fuq. Fit-tieni perjodu, Agius żied il-vantaġġ tas-Suns però Athleta wieġbu b’żewġ trippli minn Martin Krastev. Il-partita daħlet f’fażi interessanti biż-żewġ timijiet iwieġbu lil xulxin bis-Suns iżommu l-vantaġġ. Lejn tmiem it-taqsima Suns kellhom sitt punti mingħajr risposta biex daħlu jistrieħu 5 minn fuq 29-24.

Wara l-intervall, Suns komplew jikkontrollaw u bil-punti ta’ Agius baqgħu minn fuq 35-30. Hawn però Athleta għamlu break qasir ta’ 7-0 bil-punti ta’ Mifsud Bonnici u Luca Stefanovic biex ħadu l-vantaġġ. Suns irkupraw u baskets minn Simon Cauchi u Louis Camilleri rawhom jidħlu għall-aħħar taqsima fuq quddiem 39-37. Wara basket ieħor minn Camilleri li żied il-vantaġġ ta’ Suns 41-37, Athleta kellhom mument ieħor tajjeb bi tmien punti mingħajr risposta fosthom trippla oħra ta’ Krastev biex marru 4 minn fuq 45-41. Suns reġgħu ġabu l-iskor indaqs wara baskets minn Cauchi u Liebe però reġa kien Krastev bir-raba’ trippla tieghu li poġġa lil Athleta fuq quddiem u huma ssiġġillaw ir-rebħa b’basket ta’ Joshua Aquilina u ħarġu rebbieħa 51-47.

Gżira Athleta: J. Symmons 4, F. Mifsud Bonnici 11, J. Wait, J. Aquilina 7, L. Stefanovic 4, M. Gauchi Montaldo 3, S. Mamo, D. Buhagiar, M. Krastev 13, S. Vincic, M. Berisha 10, R. Bezzina.

St. Nicholas Suns: G. Cutajar, S. Borg, K. Scicluna 12, L. Camilleri 6, H. Agius 17, M. Barberi 5, J.P. Antoncic, R. Camilleri 1, R. Camilleri, S. Cauchi 4, B. Liebe 2.

Referees: Gordon Barbara, Alfred Carbonaro.

Starlites 81

Phoenix Frank Salt 67

(20-17)(21-18)(21-12)(19-20)

Starlites komplew fejn ħallew fil-logħob tas-St. James Hospital Shield meta bdew l-impenji tagħhom fil-kampjonat b’rebħa ta’ 81-67 kontra Phoenix Frank Salt. Regola tal-MBA tippermetti li players tal-istess club jilgħabu f’diviżjonijiet differenti mal-istess club sal-eta ta’ taħt it-23 sena u grazzi għal din ir-regola Starlites setgħu jagħmlu użu mill-player Amerikan Chris Santo li rrid ngħid li lagħab biss għal ftit aktar minn 10 minuti. Però minkejja li din ir-regola qajjmet diskussjoni, ma jfissirx li Santo kien il-protagonist fir-rebħa. Iż-żewġ protagonisti kienu bla dubju Jacob Formosa fuq naħa u Jonathan Ransley fuq in-naħa l-oħra li bejniethom kellhom total ta’ 67 punt. Starlites marru 12-6 minn fuq fl-ewwel sessjoni wara trippla minn Formosa u l-punti ta’ Alec Felice Pace u Thomas Grech. Phoenix kellhom il-punti ta’ Ransley u Joshua Anastasi biex baqgħu viċin għalkemm punti konsekuttivi minn Anthony Schembri raw lil Starlites jagħlqu l-ewwel sessjoni 20-17 minn fuq. Phoenix ħasdu lill-avversarji bi break ta’ 8-0 fil-bidu tat-tieni taqsima b’diversi punti ta’ Ransley u trippla minn Antoine Costa. Huma żammew il-vantaġġ sa nofs it-taqsima però hawn wasal break ta’ 9-0 minn Starlites kollhu minn Formosa biex poġġijhom minn fuq 33-29. Sa’ tmiem is-sessjoni kien hemm punti fuq kull naħa bi Starlites jagħlqu bi trippla ta’ Ivan Mitrovic u daħlu jistrieħu sitta minn fuq 41-35.

Starlites fetħu t-tielet taqsima bi break ieħor ta’ 8-0 biex fetħu vantaġġ qawwi ta’ 14 –il punt 49-35. Phoenix finalment wieġbu b’basket minn Andras Toompere però Starlites komplew iżidu l-vantaġġ hekk kif kellhom il-punti ta’ Santo u trippla oħra ta’ Formosa għal skor ta’ 62-47. Phoenix tħabtu biex jidħlu lura fil-partita u fir-raba taqsima reġa’ kien Ransley li bil-punti konsekuttivi tiegħu ressaqhom viċin. Hawn Starlites għamlu żewġ trippli oħra minn Formosa u Alec Felice Pace biex reġgħu żiedu l-vantaġġ. Felice Pace kompla bil-punti għal Starlites, l-istess kif għamel Ransley però l-vantaġġ ta’ Starlites kien biżżejjed biex setgħu jikkontrollaw l-aħħar minuti u rebħu l-partita 81-67.

Starlites: A. Schembri 8, C. Doublet, L. Vella, M. Azzopardi 5, C. Schembri 3, M. Falzon 7, A. Felice Pace 13, I. Mitrovic 3, J. Formosa 32, C. Santo 8, A. Cutajar, T. Grech 2.

Phoenix Frank Salt: G. Micallef, M. Vucinic 7, R. Curmi, M. Fenech, K.Borg 5, C. Camenzuli 4, J. Anastasi 2, C. Briffa 2, A. Costa 3, J. Ransley 35, A. Toompere 9.

Referees: Emanuel Mangani, Zvezdan Dobrosaviljevic.





Leave a comment