Aboulezz is-Super Sub Mosti

Sunday, July 28, 2013, 10:44

Minn Robert Busuttil

Balzan u Mosta huma l-ewwel żewġ timijiet li kkwalifikaw għas-semifinali tat-Tazza AME wara konfront ferm eċitanti bejniethom. Min-naħa l-oħra, Tarxien Rainbows temmew l-impenji tagħhom f’dan it-turnament b’rebħa tajba fuq Naxxar Lions.

Fl-ewwel partita Balzan għelbu lil Mosta bl-iskor ta’ 2-1. Iż-żewġ kowċis rispettivi, Riccardo Tumiatti u Danilo Doncic għażlu li jesperimentaw b’diversi plejers ġodda sabiex jissettjaw aħjar l-iskwadri tagħhom lejliet bidu ta’ staġun iebes quddiemhom.
Kienu Mosta li fetħu l-iskor meta fit-28 minuta ġirja tajba ta’ Yuri Messias ħalliet fil-post diversi difensuri Balzanin sabiex l-istess plejer iddepożita l-ballun fix-xibka għall-vantaġġ Mosti.
Hawnhekk Mosta bdew jemmnu fihom infushom tant li kellhom pussess aħjar tal-ballun sabiex Tumiatti ddeċieda li jbiddel xi plejers sabiex ikun hemm aktar kattiverija lejn il-lasti Balzanin.
Wieħed minn dawn is-sostituti kien Firas Aboulezz li spiċċa kif jgħidu l-Ingliżi “The Super Sub”. Fil-fatt kien hu li ġab il-gowl tad-dro fis-77 minuta wara li approfitta minn indeċiżjoni fid-difiża Mostija u filwaqt li ra lill-gowler Omar Borg barra minn postu llobbja l-ballun sabiex ċaqlaq ix-xibka għall-ewwel darba.
Lanqas laħqu għaddew seba’ minuti li l-istess Aboulezz m’għamilhomx 2-1. Kien frikik minn barra l-kaxxa li ħalla lil Omar Borg iħares sabiex dawwar telfa f’rebħa għat-tim tiegħu.
Fit-tieni partita Tarxien skorjaw l-ewwel żewġ gowls tat-turnament kif ukoll akkwistaw l-ewwel rebħa meta għelbu lil Naxxar Lions 2-0. Ir-Rainbows tjiebu ħafna matul din il-logħba u bl-inklużjoni tal-akkwisti l-ġodda Miguel Ciantar u Ariel Laudisi saħħu mhux ftit l-attakk tagħhom. Kienu fil-fatt dawn iż-żewġ plejers eks-Sliema li ddeċidew il-konfront. Fid-39 minuta Laudisi wettaq ħarba tajba sabiex b’xutt tajjeb għeleb lil Pecorella għall-vantaġġ Tarxiniż.
Lanqas laħqet għaddiet minuta mill-bidu tat-tieni taqsima li Miguel Ciantar ma rduppjax meta ħarbat lid-difiża Naxxarija u qabeż lill-gowler b’kollox sabiex ċaqlaq ix-xibka għat-tieni darba.
B’hekk fil-klassifika ta’ Grupp A Balzan spiċċaw fl-ewwel post bi 8 punti segwiti minn Mosta b’6, Tarxien bi 3 punti filwaqt li Naxxar kisbu punt wieħed biss.
Il-logħob mit-Tazza AME jkompli nhar it-Tnejn 29 ta’ Lulju b’dawn il-logħbiet:
Sirens Stadium
18.30  Vittoriosa Stars vs Rabat Ajax
20.30  Floriana vs Qormi




1 Comment

  1. Victor Mifsud says:

    Super Sub Balzani mhux Mosti!

    [Reply]

Leave a comment