A to Z Electronics jirbħu x-Shield b’wirja tajba

Monday, November 14, 2011, 11:02

minn Colin Schembri

ST.JAMES HOSPITAL SHIELD IRĠIEL 

Siġġiewi 56

A to Z Electronics Athleta 66

(18-17)(17-13)(14-22)(19-15)

A to Z Electronics Athleta komplew fit-triq tas-suċċessi meta fil-finali tas-Saint James Hospital Shield għelbu lir-rivali Siġġiewi 66-56 biex rebħu t-tielet unur tagħhom għal dan l-istaġun. Għal Siġġiewi reġa’ ma lagħabx Marco Matijevic pero rritorna Jide Jetson. Athleta kienu bil-formazzjoni solita tagħhom fejn għadu nieqes Steve Schembri. Il-partita li għal darb’oħra ntlagħbet quddiem pubbliku ferm numeruż bdiet bl-Athleta jieħdu vantaġġ sostanzjali sa mill-bidu tal-partita. Huma għamlu l-ewwel seba’ punti fl-ewwel tlett minuti qabel ma Chris Maeir għamel l-ewwel basket ta’ Siġġiewi. Athleta reġgħu għamlu run oħra ta’ 9-0 li għalquha bi trippla ta’ Michael Naudi. Siġġiewi wieġbu bi trippla u free-throws ta’ Nigel Sultana biex Athleta temmew il-perjodu 16-7 minn fuq. Fit-tieni sessjoni Athleta saħħew il-vantaġġ wara punti minn Andras Fekete bi Clement Kodomaris iwieġeb għal Siġġiewi. Trippla ta’ Alan Borg naqqset id-distakk għal 8 punti pero’ Dirk Schembri kien attiv ferm għal Athleta biex fl-intervall huma kellhom vantaġġ ta’ 10 punti 28-18.

Fit-tielet perjodu mbagħad infetaħ Omar Said bi tlett three pointers flimkien ma Mohammed Kuwaid li wkoll kellhu trippla. Siġġiewi wieġbu bil-baskets ta’ Sultana u trippla ta’ Peter Shoults pero’ Athleta kienu għadhom 16 minn fuq fis-seba’ minuta 46-30. Sa tmiem il-perjodu kien hemm punti minn Naudi għal Athletau Kodomaris għal Siġġiewi biex Athleta temmew is-sessjoni b’distakk ta’ 16 –il punt 52-36. Kodomaris u Sultana komplew inaqqsu l-iżvantaġġ għal Siġġiewi fil-ftuħ tar-raba’ sessjoni b’Kuwaid jagħmel it-tieni trippla tiegħu għal Athleta. Ic-champions komplew b’run ta’ 10-1 biex fetħu vantaġġ massimu ta’ 21 punt 66-45, Siġġiewi stinkaw biex jagħmlu l-iskor aktar rispettabli tant li rnexxielhom jagħlqu l-partita b’run ta’ 11-0 pero’ r-rebħa marret għand Athleta li b’hekk żammew is-shield għat-tieni sena konsekuttiva b’rebħa ta’ 66-56. Fi tmiem il-partita Michael Naudi għolla t-tielet trofew ta’ l-istaġun meta rċieva l-MBA Shield mingħand il-President tal-MBA s-Sur Paul Sultana.

Siġġiewi: R. Agius, L. Camilleri, P. Shoults 9, E. Xuereb, N. Sultana 17, A. Borg 3, JP Azzopardi, C. Maeir 10, C. Codomaris 10, J. Jetson, M. Matijevic.

A to Z Electronics Athleta: M. Naudi 15, D.Bugeja 2, M. Kuwaid 14, D. Schembri 15, M. Giusti, A. Fekete 5, O. Said 11, A. Bonnici 4, K. Baldacchino.

Referees: Bernard Vassallo, Alfred Carbonaro, Gordon Barbara





Leave a comment