A to Z Electronics Athleta u Floriana Royce jibdew bir-rebħ

Monday, October 14, 2013, 19:09

ST. JAMES HOSPITAL SHIELD IRĠIEL

minn Colin Schembri

A to Z Electronics Athleta 74

Starlites 52
(18-13)(20-12)(21-8)(15-19)

Fl-ewwel partita mis-St. James Hospital Shield tal-irġiel A to Z Electronics Athleta għelbu lil Starlites 74-52. Huma kisbu din ir-rebħa minkejja n-nuqqas ta’ Omar Said u Kristin Baldacchino però pattew David Bugeja u Chad Patus li kellhom partita mill-aqwa. Għal Starlites l-ex Marco Todorovic ikkonferma l-potenzjal tiegħu taħt il-boards però Starlites għandhom bank qasir u din tista’ tkun problema għal coach Ray Muscat hekk kif huma tilfu wkoll lil Francois Bartolo li se jkompli bl-istudji tiegħu barra minn pajjiżna. Wara li Starlites għamlu l-ewwel basket minn Saviour Bonnici, Athleta irrispondew bi 11 –il punt konsekuttiv bil-punti kollha jaslu minn Patus u Steve Schembri. Todorovic għamel basket għal Starlites però Bugeja għamel trippla għal Athleta. Hawn Starlites għaqqdu run ta’ 9-2 bi tlett baskets ta’ Todorovic biex fl-ewwel sessjoni Athleta kienu 18-13 minn fuq. Fit-tieni sessjoni Starlites baqgħu viċin wara trippla ta’ Bonnici qabel ma Athleta żiedu l-vantaġġ bil-punti ta’ Patus 29-19. Wara baskets minn Bernard Soler u Gabor Szokreny għal Starlites, Athleta għamlu disa’ punti, tmienja minn Bugeja biex fl-intervall huma kienu 38-25 minn fuq.

Il-bidu tat-tielet sessjoni kien iktar bilanċjat hekk kif Todorovic kompla jwieġeb għall-punti tal-avversarji u sal-ħames minuta id-distakk baqa’ l-istess 44-31 favur Athleta. Athleta komplew b’run oħra ta’ 12-0 b’diversi punti ta’ Schembri fosthom trippla flimkien ma’ Bugeja u Patus biex fetħu vantaġġ ta’ 25 punt sa tmiem it-tielet perjodu 59-33. L-aħħar sessjoni kienet aktar bilanċjata hekk kif iż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin. Għall-Athleta kien hemm il-punti ta’ Michael Naudi u Patus b’Todorovic u Szokreny jwieġbu għal Starlites. Il-partita għalqet bi trippla minn Benoit Bartolo għall-Athleta li rebħu l-partita 74-52.

A to Z Electronics Athleta: M. Naudi 11, H. Soufian, D. Bugeja 20, C. Patus 26, M. Giusti 1, S. Pace 2, B. Bartolo 3, W. Spiteri 1, S. Schembri 10.

Starlites: M. Todorovic 21, R. Loporto, R. Bonnici 2, S. Bonnici 14, A. Cutajar 2, A. Schembri, G. Szokreny 9, B. Soler 4.

Referees: Emanuel Mangani, Luke Camilleri, Clive Terribile.

Floriana Royce 66

Pavi Depiro 55
(16-7)(13-20)(18-12)(19-16)

Ic-champions Floriana Royce ukoll bdew l-impenji tagħhom fis-shield b’rebħa meta għelbu lil Pavi Depiro 66-55. Floriana rkupraw lil Dirk Schembri u David Camilleri li tilfu l-preseason tournament. Minn naħa tagħhom Depiro kellhom u se jkollhom jagħddu għall-ġimgħat li ġejjin mingħajr l-Amerikan Turell Morris hekk kif ir-reġistrazzjoni tiegħu se tkun valida lejn tmiem Ottubru. Fl-ewwel sessjoni iż-żewġ timijiet kellhom il-fażijiet tagħhom. Bdew Floriana b’sitt punti konsekuttivi minn Derek Elston u Dirk Schembri. Depiro wieġbu bi break ta’ 7-0 b’Roderick Vella jkollu trippla u basket flimkien ma’ basket minn Anton Axiaq. Minn hemm il-quddiem kien hemm biss il-punti ta’ Floriana għal darb’oħra minn idejn l-Amerikan Elston u Peter Shoults biex temmew is-sessjoni 16-7 minn fuq. Depiro bdew it-tieni sessjoni b’żewġ baskets minn Andrew Aquilina u Billy Zammit però Elston kompla bil-punti tiegħhu għac-champions fosthom trippla biex f’nofs il-perjodu huma kienu 22-13 minn fuq. Depiro wieġbu bi trippla ta’ Vella f’run ta’ 9-2 biex waslu sa żewġ punti ‘l bogħod 22-24. Sal-intervall id-distakk baqa’ l-istess biex Floriana daħlu jistrieħu 29-27 minn fuq.

Depiro ġabu l-iskor indaqs fil-bidu tat-tielet sessjoni b’basket minn Isaac Tanti qabel ma Floriana għamlu run oħra ta’ 9-2 bi trippla ta’ David Camilleri. Ir-risposta ta’ Depiro waslet minn Vella u Nigel Sultana però dan ma kienx biżejjed hekk kif Camilleri għamel trippla oħra għal skor ta’ 47-39. Il-vantaġġ Furjaniż kompla jikber fi-bidu tal-aħħar sessjoni wara punti minn Sean Borg, Schembri u Elston. Sa’ nofs it-taqsima Floriana kienu 11 minn fuq 56-45 u baqa ma nbidilx sa’ tmiem il-partita għal skor finali ta’ 66-55.

Floriana Royce: O. Shamala, D. Elston 28, D. Camilleri 8, P. Shoults 9, S. Borg 4, J. Curmi, C. Calleja 2, D. Schembri 15, S. Saakian, D. Agius .

Pavi Depiro: R. Vella 16, B. Zammit 2, N. Sultana 10, A. Aquilina 5, A. Portelli, A. Axiaq 6, E. Lupo, I. Tanti 16, M. Mallia.

Referees: Emanuel Mangani, Steve Gouder, Clive Terribile.





Leave a comment