A to Z Electronics Athleta jkomplu jerbħu

Monday, October 6, 2014, 16:39

50th ANNIVERSARY TOURNAMENT – IRĠIEL

minn Colin Schembri

Wara li fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet saret il-kompetizzjoni tan-nisa, fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet kien imiss l-edizzjoni tal-irġiel. Kienu c-champions A to Z Electronics Athleta li rebħu din il-kompetizzjoni biex rebħu dan l-unur għat-tielet darba .

Kellna diversi players li għamlu d-debutt ma’ clubs ġodda. Fost dawn insibu lill-Amerikani Jules Montgomery ta’ Floriana Cafè Del Mar, Nathan Walkup ta’ Cynergy Virtus, Orlando Rutlidge ta’ Bupa Luxol u Kent Tribbett ta’ Remax Citadel Siġġiewi. Marko Todorovic inaqgħad ma’ Depiro fil-waqt li c-champions ikkonfermaw lill-Kanadiż Chad Patus.

Insibu lit-team ta’ Cynergi Virtus li kien iffurmat is-sajf li għadda grazzi għal ftehim ma’ Starlites u fil-fatt uħud mill-players tagħhom konna nsibuhom ma’ Starlites fl-istaġun li għadda. Huma saħħew it-team bl-akkwisti ta’ Peter Shoults, Anton Axiaq, Shawn Pace u David Bugeja. A to Z Electronics Athleta kellhom l-akkwisti ta’ Roderick Vella, Isaac Tanti u Andrew Aquilina mingħand Depiro. Luxol ħadu lura lil Alan Borg u Abraham Portelli u għal din il-kompetizzjoni kellhom magħhom ukoll lil Samuel Deguara. Floriana ħadu magħhom lil Lee Ross, Nigel Sultana, Marco Mercieca u Nikola Vasovic fil-waqt li Siġġiewi kellhom liż-żagħżagħ Ryan Carabott u Benoit Bartolo. Depiro kellhom rivoluzzjoni sħiħa hekk ippreżentaw skwadra żagħżugħa bil-maġġoranza tal-players mit-team li l-istaġun li għadda rebaħ il-kampjonat ta’ taħt id-19 –il sena.

Fl-ewwel ġurnata ntlagħbet il-fażi preliminari fejn is-sitt timijiet kienu mqassma f’żewġ gruppi. Fi Grupp 1 kien hemm A to Z Electronics Athleta , Floriana Cafè Del Mar, Pavi Depiro u fi Grupp 2 kien hemm Cynergi Virtus, Bupa Luxol u Remax Citadel Siġġiewi. Ir-riżultati kollha tal-ewwel fażi kienu dawn:

Pavi Depiro 36 Floriana Cafè Del Mar 53

Bupa Luxol 58 Cynergi Virtus 69

Floriana Cafè Del Mar 48 A to Z Electronics Athleta  41

Cynergi Virtus 48 Remax Citadel Siġġiewi 42

A to Z Electronics Athleta  67 Pavi Depiro 40

Remax Citadel Siġġiewi  40 Bupa Luxol 81

It-tieni fażi bdiet biż-żewġ semifinali fejn fl-ewwel waħda ltaqgħu Floriana Cafè Del Mar kontra Bupa Luxol. Il-partita saret f’kundizzjonijiet pjuttost diffiċli għaż-żewġ naħat bil-court jiżloq minħabba l-umdita f’Ta’ Qali. Floriana ma rnexxielhomx jikkontrollaw lil Samuel Deguara li spiċċa l-partita b’40 punt. Luxol kienu 39-22 minn fuq fil-halftime u żammew vantaġġ ta’ 20 punt sas-seba’ minuta tat-tieni taqsima 57-37. Hawn waslet rimonta minn Floriana li għamlu run ta’ 15-0 u naqqsu d-distakk għal seba’ punti 50-57. Luxol irnexxielhom jikkontrollaw fl-aħħar minuti biex joħorġu rebbieħa 64-59. Fit-tieni semifinali A to Z Electronics Athleta kellhom wirja verament tajba biex għelbu lil Cynergi Virtus 58-42. Athleta bdew tajjeb u marru 8-5 minn fuq wara tlett minuti. Huma komplew b’run qawwija ta’ 21-4 u fl-intervall marru 38-16 minn fuq. Fit-tieni taqsima Virtus bdew bi three pointers biex naqqsu d-distakk għal 14 –il punt 25-39. Three pointer ta’ Roderick Vella beda run oħra ta’ 15-5 minn Athleta biex reġgħu marru 24 punt minn fuq 54-30 u rebħu l-partita 58-42.

Fil-finali bejn Bupa Luxol u A to Z Electronics Athleta li wkoll kienet b’żewġ sessjonijiet ta’ 15 –il minuta, ‘l waħda, kienu Athleta li ħarġu rebbieħa 56-63 f’partita kkontrollata minn Bernard Vassallo, Gordon Barbara u Clive Terribile. Luxol ħadu vantaġġ bit-three pointers ta’ CJ Cordina u l-baskets ta’ Samuel Deguara u marru 14-6 minn fuq. Hawn bdew ġejjin ukoll il-punti tal-Amerikan Rutledge biex Luxol kabbru l-vantaġġ għal 13 –il punt 29-16. Fl-aħħar żewġ minuti Athleta għamlu run ta’ 13-3 bi trippli minn Roderick Vella u Chad Patus u fl-intervall Luxol kienu punt minn fuq 32-31. Athleta komplew jieħdu l-logħba f’idejhom fit-tieni taqsima bi break ieħor ta’ 10-2 fl-ewwel żewġ minuti. Luxol reġgħu wettqu reazzjoni bil-punti ta’ Cordina u Deguara u trippla ta’ Rutledge u fl-għaxar minuta naqqsu d-distakk għal basket 50-52. Punti minn Omar Said u trippla ta’ Patus reġgħu taw in-nifs lil Athleta li baqgħu jikkontrollaw biex rebħu l-partita 63-56. Fi tmiem il-partita Joseph Muscat Segretarju Ġenerali tal-MBA ppreżenta t-trofew lil Michael Naudi, captain ta’ Athleta.





Leave a comment