A to Z Electronics Athleta jirbħu t-tieni unur

Monday, January 24, 2011, 8:53

minn Colin Schembri

DETUR SUPER CUP IRGIEL

Siġġiewi Derby 50
A to Z Electronics Athleta 62

(6-13)(15-12)(19-16)(10-21)

A to Z Electronics Athleta rebħu t-tieni unur tal-istaġun meta wara partita kumbattuta għelbu lil Siġġiewi Derby 62-50 fil-finali tad-Detur Super Cup. Għas-Siġġiewi lagħab għall-ewwel darba dan l-istaġun Lee Ross fil-waqt li rkupraw ukoll lil Peter Shoults li kien tilef l-aħħar partita. Għal Athleta li kienu bil-formazzjoni solita tagħhom, dan kien it-tmien suċċess f’din il-kompetizzjoni u t-tieni wieħed konsekuttiv. Il-partita bdiet b’ritmu baxx u wara żewġ baskets ta’ Adrian Micallef għal Siġġiewi kien fis-sitt minuta li Athleta ppareġjaw bil-punti ta’ Adison Bonnici 4-4. Fit-tmien minuta Siġġiewi reġgħu marru minn fuq wara basket ta’ Alan Borg. Athleta wieġbu bi trippla ta’ Omar Said li fetħitilhom run ta’ 9-0 u temmew is-sessjoni 13-6 fuq quddiem. Fit-tieni sessjoni, Siġġiewi fetħu b’basket ta’ Eman Xuereb pero Athleta wieġbu b’run ta’ 6-0 bil-punti kollha jaslu minn Michael Naudi. Marco Matijevic u Micallef reġgħu ressqu lil Siġġiewi viċin 13-19 pero Athleta wieġbu bi trippla ta’ Kristin Baldacchino. Siġġiewi għamlu run oħra ta’ 8-0 u naqqsu d-distakk għal punt 21-22 b’iktar punti minn Matijevic. Fl-aħħar attakk tas-sessjoni, trippla ta’ Steve Schembri poġġiet lil Athleta 25-21 minn fuq.

Fil-ftuħ tat-tielet sessjoni, Athleta żiedu l-vantaġġ b’basket ta’ Bonnici. Pero Siġġiewi wieġbu bi break ta’ 9-0 inkluża trippla ta’ Lee Ross u marru 30-27 minn fuq. Freethrows fuq iż-żewġ naħat ħallew liż-żewġ timijiet viċin xulxin I trippla ta’ Borg u basket ta’ Micallef reġgħu poġġew lil Siġġiewi 38-36 minn fuq. Athleta rrispondew bil-freethrows ta’ Dirk Schembri u Baldacchino biex temmew is-sessjoni 41-40 minn fuq. Għal darb’oħra Siġġiewi ħadu vantaġġ fir-raba’ sessjoni wara punti ta’ Micallef u Shoults. Seba’ punti konsekuttivi minn Steve Schembri inkluż three pointer poġġew lil Athleta 49-46 minn fuq. Matijevic reġa’ wieġeb għal Siġġiewi biex fis-sitt minuta l-vantaġġ tal-Athleta kien ta punt 49-48. Hawn hekk waslet run ta’ 8-0 minn Athleta biex fetħu vantaġġ ta’ 9 punti 57-48. Matijevic għamel l-aħħar basket ta’ Siġġiewi biex Athleta għamlu l-aħħar ħames freethrows u setgħu jiċċelebraw ir-rebħ tal-unur fuq skor finali ta’ 62-50.

Siġġiewi Derby: P. Shoults 4, K. Borg, J. Doughty, E. Xuereb 2, A. Borg 5, A. Micallef 14, L. Ross 5, J. Jetson, M. Matijevic 20

A to Z Electronics Athleta: M. Naudi 16, J. Zammit, D. Schembri 3, E. Bezzina,  C. Galea, O. Said 9, C. Calleja, A. Bonnici 9, K. Baldacchino 8, A. Ryan, S. Schembri 17.

Referees: Alfred Carbonaro, Jean Paul Sammut, Clive Terribile





Leave a comment