8 Deheb, 12 Fidda u 9 Bronż total ta’ 29 Midalja

Saturday, June 4, 2011, 18:42

Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa

Minn Sandro Micallef li qed jirraporta minn Vaduz Liechtenstein uffiċjalment għal Melita Sports.

L-Erbatax -il edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa intemmet bil-kbir għall-Kumitat Olimpiku Malti fejn it-total ta’ midalji tela’ għal 29 midalja. Suċċess kbir fejn mhux biss morna aħjar mill-aħħar edizzjoni dik ta’ sentejn ilu f’Ċipru (fejn irbaħna 21 midalja, disa’ iktar) iżda saħansitra ksirna wkoll ir-record ta’ midalji tad-deheb li konna rbaħna dakinhar f’Andorra fl-2005 fejn konna irbaħna 7 deheb.

It-Total ta’ 29 Midalja fil-logħob ta’ Liechtenstein huwa numru sabiħ ħafna u jimla’  b’kuraġġ lill-atleti Maltin, lil kowċis tagħhom u anke lill-amministraturi għall-futur tal-iSport f’Malta.

Intant is-Sibt filgħaxija saret iċ-ċerimonja tal-għeluq ta’ dan il-logħob b’ċerimonja simbolika fejn il-bandiera tal-Kumitat Internazzjonali tal-Logħob għaddiet minn Liechtenstien għal għand il-Kumitat Olimpiku tal-Lussemburgu. F’din iċ-ċerimonja simbolika l-bandiera Maltija inġarret minn Diane Borg rebbieħa ta’ żewġ midalji tad-deheb fil-200 metru u fil-4 x 100 m kif ukoll rebbieħa tal-midalja tal-Fidda fil-100 metru.

Filgħaxija sidisfazzjon fuq wiċċ il-President tal-KOM l-Imħallef Lino Farrugia Sacco u d-diretturi kollha fi ħdan il-KOM wara dan is-suċċess miksub bl-isforz kollettiv ta’ kulħadd.





Leave a comment