75% mill-Bagit tal-Kunsill Malti ghall-Isport imorru ghall-ispejjez amministrattivi

Sunday, July 14, 2013, 9:22

“Mhux aċċettabbli li 75% mill-baġit allokat għall-Kunsill Malti għall-Isport imorru għall-ispejjeż amministrattivi filwaqt li 17% biss qed imorru għall-għaqdiet sportivi.” Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport, Stefan Buontempo waqt li kien qed iqassam assistenza finanzjarja lill-għaqdiet sportivi.

Filwaqt li feraħ lill-għaqdiet sportivi li bbenefikaw minn din l-assistenza, Buontempo qal li l-ogħla awtorità f’pajjiżna tal-isport il-KMS qed tiswa lill-poplu Malti ammont sostanzjali qawwi biex titħaddem. Dan qed jirriżulta f’inqas investiment fl-għaqdiet sportivi li qed jagħmlu xogħol  imprezzabbli għall-ġid tal-isport u tal-komunità, xogħol li mhux biss qed jgħin fl-ekonomija talpajjiż, imma wkoll qed jgħinu fis-saħħa tagħna.

Buontempo qal li l-Gvern verament jemmen f’dawn l-għaqdiet u għalhekk dan il-Gvern irid jagħtihom l-għodda neċessarja biex dawn l-għaqdiet ikomplu jikbru. Huwa appella biex aktar persuni jagħmlu attività fiżika ħalli jkollna poplu b’saħħtu.





Leave a comment