Versity, San Ġiljan u Valletta St Pauls jgħaddu għas-semifinali

Monday, February 4, 2019, 7:40

Rapport: Robert Busuttil

Ritratt: Warren Sammut

Tliet timijiet ibbukkjaw post fis-semifinali tal-MAFA Knock-Out wara li rebħu l-partiti rispettivi tagħhom. Minkejja kollox Versity AFC, San Ġiljan Saints u Valletta St Pauls batew aktar milli suppost sakemm sabu posthom mal-aħħar erbgħa tal-kompetizzjoni. Ir-raba’ tim li kellu jikkwalifika għas-semifinali kellu jkun deċiż fil-logħba tal-ġurnata bejn Senglea Gunners u Marsa St Michael iżda l-logħba ġiet abbandunata mir-referi tal-logħba wara xi ġlied li nqala’ lejn l-aħħar tal-partita.

F’waħda mill-iktar logħbiet eċitanti li kellna fil-kwarti tal-finali, Versity AFC kisbu kwalifikazzjoni drammatika fl-aħħar minuti tal-logħba sabiex għelbu lil Naxxar Victorians bl-iskor ta’ 3-2. Kienet partita fejn il-Versity kienu tajbin fl-ewwel taqsima bil-Victorians li tjiebu drastikament fit-tieni parti tal-logħba tant li rnexxielhom jiġu minn żewġ gowls minn taħt.

Il-kowċ ta’ Naxxar Kurt Aquilina ta d-debutt lil tliet plejers li l-klabb ġab fis-sessjoni tat-trasferimenti ta’ Jannar hekk kif Pierluigi Pace, Matthew Grech u Afrim Krasniqi bdew mal-ewwel ħdax tal-partita. Dawn l-akkwisti flimkien ma’ xi plejers oħra ġodda li t-tim ġab f’Jannar għandhom jgħinu lin-Naxxarin jiksbu iktar punti fil-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni.

Bħas-soltu Versity AFC ħarġu aggressivi u marru fil-vantaġġ wara ħames minuti logħob meta azzjoni veloċi, id-difensur ta’ Naxxar Matthew Gauci fit-tentattiv li jikklerja xeħet fix-xibka tiegħu stess. Il-Victorians naqsu milli jagħmlu r-reazzjoni meħtieġa sabiex fl-34 minuta sofrew it-tieni gowl meta wara nuqqas difensiv, kien Bilali Yakubu li wiċċ imb’wiċċ mal-gowlkiper ma żbaljax u għamel l-iskor 2-0 qabel tmiem l-ewwel taqsima.

Fit-tieni taqsima, il-Victorians inbidlu mil-lejl għan-nhar u bdew ikunu aktar avventurużi lejn il-lasti avversarji. Huwa naqsu l-marġni tal-iskor fit-48 minuta meta wara azzjoni ta’ frikik, kien Keith Zammit li bir-ras għeleb Kieron Flint. Sadanittant Versity AFC spiċċaw b’disa’ min-nies wara li tkeċċew Arie Tibi u Alfonso Martinez. Għal dan kollu approfittaw in-Naxxarin li ġabu l-iskor indaqs fil-51 minuta meta xutt tajjeb ta’ Matthew Grech għeleb lill-gowlkiper avversarju.

Kollox kien jidher li l-logħba ser tispiċċa bil-penalties iżda ħin bla waqt il-Versity skorjaw dak li kellu jkun il-gowl tal-kwalifikazzjoni. Kien hemm nuqqas ta’ ftehim mill-uffiċjali tal-logħba fuq throw-in li kellu jingħata, u pront il-plejers minn Tal-Qroqq mexxew azzjoni veloċi li sabet  lil Julian Muller lest fil-post it-tajjeb sabiex jixħet il-ballun fix-xibka.

Valletta St Pauls tħabtu aktar milli mistenni sabiex għelbu l-isfida denja li taw it-tim tat-tieni diviżjoni Fleur de Lys CFK sabiex fl-aħħar mill-aħħar rebħu bl-iskor ta’ 4-2.

Is-St Pauls kellhom jilagħbu għal kważi logħba sħiħa bi plejer inqas wara li tkeċċa Gianluca Borg. U kienu Fleur de Lys li marru fil-vantaġġ wara 7 minuti logħob grazzi għall-gowl ta’ Robert Bajada. Valletta pront wettqu reazzjoni u ġabu l-iskor indaqs fil-15-il minuta meta kien Simon Shead li minn penalty għamel l-iskor 1-1.

Fleur de Lys baqgħu kalmi u reġgħu marru fil-vantaġġ permezz ta’ Glenn Bonello sabiex l-ewwel taqsima għalqet 2-1 favurihom.

Ir-reazzjoni Beltija kienet evidenti fit-tieni 35 minuta u dan xprunahom sabiex dawru telfa f’rebħa. L-ewwel kien Oiarkorpo li sab ix-xibka mill-viċin u ġab l-iskor indaqs sabiex imbagħad Simon Shead u l-istess Oiarkorpo taw ir-rebħa finali lit-tim mill-Belt Kapitali Maltija u eventwalment skorjaw doppjetta kull wieħed.

San Ġiljan Saints kellhom rebħa komda ta’ 2-0 kontra Qormi Hotspurs sabiex għamluha għal mal-aħħar erbgħa tal-kompetizzjoni. Ma kinitx logħba faċli għaż-żgħażagħ Qriema li kellhom diversi plejers nieqsa u dan effettwa xi ftit il-wirja tagħhom. Ta’ diżappunt għalihom kien li ħarġu kmieni minn din il-kompetizzjoni meta tqis li tradizzjonalment huma rinomati li jaslu sal-aħħar.

Min-naħa tal-Ġiljaniżi, ir-ritorn ta’ Quentin Albrecht kien fundamentali għax kien proprju hu li poġġa lit-tim tiegħu fil-vantaġġ wara gowl tajjeb. Fl-14-il minuta, id-difensur ta’ Daniel Bezzina tefa’ l-ballun fix-xibka tiegħu stess għal awtogowl klassiku.

Bil-logħba mirbuħa u mitlufa, Qormi ppruvaw reazzjoni iżda sabu lid-difiża Ġiljaniża fl-aqwa kundizzjoni hekk kif irnexxielhom ibiegħdu lill-avversarji tagħhom mil-lasta.

Fl-aħħar mill-aħħar kienu s-Saints li kisbu l-kwalifikazzjoni finali.

Finalment fl-aktar konfront mistenni, il-logħba bejn Marsa St Michael u Senglea Gunners kellha tiġi abbandunata fil-61 minuta wara xi ġlied li nqala’ bejn xi plejers. Wara xi minuti ta’ logħob wieqaf ir-referi tal-partita ddeċieda li jabbanduna l-logħba.

Hija ħasra li logħba bħal din kellha tiġi mtappna b’dan l-inċident meta kellna konfront bilanċjat bejn żewġ timijiet li ssieltu għal kull ballun u ma qagħdux lura sabiex jattakkaw.

Marsa ħarġu tajjeb u marru fil-vantaġġ fil-31 minuta meta wara azzjoni ta’ frikik, kien Axel Fleri li approfitta minn taħwida difensiva sabiex b’xutt fil-baxx fetaħ l-iskor għat-tim tiegħu. Fit-tieni taqsima, Senglea Gunners ħarġu aħjar u ġabu l-iskor indaqs meta kellna azzjoni rregolari fil-kaxxa Marsija bir-referi jipponta subgħajh lejn id-disk tal-penalty.

Mill-ħdax-il metru kien Glenn Tanti li ġab l-iskor indaqs. Iż-żewġ timijiet bdew ikunu iktar avventurużi u mhux ta’ b’xejn li l-logħba sbieħet.

Sabiex fil-61 minuta, kien ser jingħata frikik favur Marsa St Michael u kien dak il-ħin li nqala’ xi battibekk bejn xi plejers li rriżulta f’xi ġlied li skont ir-referi tal-logħba kien biżżejjed sabiex tiġi abbandunata l-partita.

Wieħed issa jrid jara x’ser tkun l-eżitu ta’ din il-partita li kienet qed tiżvolġi f’waħda ferm bilanċjata u akkanita.





Leave a comment