- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Unur ġdid se jippremja l-aqwa partitarji

Posted By Sportinmalta On January 18, 2018 @ 12:24 pm In Featured,Football | No Comments

Ir-rebbieħa tal-Best Fans Award jitħabbru matul is-serata tal-MFA Awards

Hekk kif l-istaġun 2017/18 riesaq lejn l-aktar fażi kruċjali, il-partitarji għandhom inċentiv ieħor biex jitilgħu bi ħġarhom u jagħtu l-appoġġ lit-team tagħhom.

Il-Malta Football Association qed tniedi l-Best Fans Award, unur li se jkun qed jippremja lil dawk il-partitarji li b’mod kostanti juru l-lealtà u appoġġ lill-club tagħhom matul il-kampjonat BOV Premier u l-BOOST Diesel FA Trophy.

Kif ser jintgħażlu r-rebbieħa tal-Best Fans Award?

Fi tmiem l-istaġun, panel ta’ ġurnalisti li ta’ kull ġimgħa jsegwu l-logħbiet mill-Kampjonat BOV Premier janalizzaw il-kontribut tal-partitarji tal-14-il team mill-Kampjonat BOV Premier.

Huma se jkunu qed iħejju lista tal-aqwa supporters b’sistema ta’ punti skont dawn it-tliet kriterji:

  • Attendenza matul l-istaġun
  • Korjografija
  • Imġieba xierqa

L-ewwel rebbieħa ta’ dan l-unur jitħabbru waqt is-serata finali tal-2018 MFA Awards f’Mejju li ġej f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi.

Dr Matthew Paris, il-Viċi-President tal-Malta Football Association li hu responsabbli mill-organizazzjoni tal-MFA Awards, qal li l-partitarji huma l-qalb u r-ruħ tal-logħba tal-football.

“Qegħdin inniedu dan l-unur sabiex nirrikonoxxu l-kontribut tal-partitarji kif ukoll biex ninkoraġġuwhom jgħollu l-livell ta’ appoġġ għat-teams tagħhom,” qal Dr Paris.

“Nittamaw li din l-inizjattiva tħeġġeġ aktar partitarji jitilgħu bi ħġarhom biex jagħtu s-sostenn u joħolqu atmosfera sabiħa biex filwaqt li jkunu qed jgħinu lill-benjamini tagħhom, ikunu ukoll minn ta’ quddiem fit-taqtiegħa għal dan l-unur ġdid tal-aqwa partitarji.”

Filwaqt li l-partitarji se jingħataw punti għall-attendenza, korjografija u imġieba xierqa matul l-istaġun, skont ir-regolamenti proposti għal Best Fans Award, offiżi kommessi minn partitarji li jkunu suġġetti għal azzjoni dixxiplinarja jirriżultaw fit-tnaqqis ta’ punti.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/63630/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.