Thursday, October 12, 2017, 10:42

JIFTAĦ L-ISTAĠUN ASMK PASTA POIATTI 2017/2018

L-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi organizzat konferenza stampa fix-showroom il-ġdida tal-WotoMoto Ltd f’Ħaż Żebbuġ, biex tiftaħ l-istaġun ASMK Pasta Poiatti 2017/2018.

Il-President tal-ASMK is-Sur Frans Deguara qal li għal darb’oħra l-Assocjazzjoni ħejjiet program mimli attivtajiet bil-karozzi u l-muturi, fejn fosthom hemm il-Kampjonati Nazzjonali Autocross, Motocross, Trials, Enduro u d-Demolition Derby b’risq l-ISTRINA. Deguara ħabbar li l-assoċjazzjoni se terġa’ tkun il-Federazzjoni li se toħrog il-liċenzji biex sewwieq tal-muturi jkunu jistgħu jikkompetu barra l-pajjiż.

Is-Sur Neil Falzon rappreżentant tal-Wotomoto Ltd ipprezenta lis-Sur Deguara sponsor għal dawn it-tliet snin li ġejjin fejn ser ikun qed jagħti l-għajnuna tiegħu f’diversi sezzjonijiet tal-muturi fosthom il-Motocross u l-Enduro. B’kolaborazzjoni mal-ASMK, fit-22 t’Ottubru 2017 se tiġi organizzata attività speċjali bil-Muturi Enduro. Ir-rebbieħ ta’ din l-attività ser ikun qed jingħata Mutur Beta 250cc 2T ġdid u lest minn kollox biex jieħu sehem fil-kampjonat tal-ASMK għall-istaġun li ġej. Is-Sur Falzon qal li biex wieħed jidħol għal din l-isfida irrid japplika fuq is-sit tal- Wotomoto li hi https://wotomoto.com/betaevent/

Intant il-President tal-Motocross is-Sur John Cassar ħabbar li għal dan l-istaġun saru xi modifiki fil-klassijiet, biex ikun hemm konformita internazzjonali f’dan l-isport. Matul dan l-istaġun se jkun hemm muturi ġodda li ser ikunu qed jikkompetu f’tigrijiet bil-mutur Flat Track. Għal dawn il-muturi se tintuża il-korsa tal-karozzi, se tiġi introdotta it-tigrija bil-scooters offroad bi scooters modifikati biex ikunu jistgħu jinstaqu bħala offroad. Is-Sur Cassar qal ukoll li għal dan l-istagun se jkun hemm 8 attivitajiet tal-kampjonat li jibdew fid-29 ta’ Ottubru 2017.

Manuel Camilleri President tat-Trials qal li minkejja li l-ASMK m’għandiex nursery uffiċjali, xorta waħda qed tuża r-riżorsi tagħha għal tfal minn età zgħira f’dan l-isport. Is-Sur Camilleri qal li bħalissa hemm sebat itfal jitgħalmu dan l-isport fejn l-età tagħhom tvarja bejn is-7 u t-12-il sena. Dawn it-tfal qed jitħarrġu fuq muturi li jaħdmu bl-elettriku biex jifhmu u jitgħallmu dan l-isport b’arja iktar nadifa. Dawn it-tfal ikunu dejjem taħt is-supervizzjoni tal-ġenituri rispettivi tagħhom. Intant is-Sur Camilleri ħabbar li għal darb’oħra se jiġi organizzat il-Kampjonat tat-Trials. Dan il-kampjonat se jkun magħmul minn tmien kompetitzzjonijiet, bl-ewwel waħda mistennija ssir nhar il-Ħadd 29 t’Ottubru 2017.

Il-President tal-Enduro s-Sur Eddie Bonello qal li din is-sena l-Kampjonat se jibda daqsxejn differenti mis-soltu, fejn se tkun qed tiġi organizzata l-attività speċjali mill-Woto Moto. Is-Sur Bonello irringrazzja lil Woto Moto Ltd tas-sapport tiegħu lejn l-għaqda u kompla billi ħabbar it-tibdil fil-klassijiet. Se tiżdied klassi oħra bil-għan li jingħata iktar ċans lil dawk li m’għandomx ċans ilaħħqu mas-sewwieq hekk imsejjħa avvanzati. Il-Kampjonat Enduro se jibda nhar il-Ħadd 12 ta’ Novembru 2017.

Fl-aħħarnett il-President tal-ASMK ħabbar li l-istaġun 2017/2018 se jibda nhar is-Sibt li ġej, bl-Endurance Race 2017. F’din it-tiġrija se jieħdu sehem il-Karozzi Autocross f’tiġrija waħda twila siegħa. Matul din is-siegħa bla waqfien, wieħed jista’ biss jieħu l-fuel u jinbidel is-sewwieq matul tlet pit stops li jista jagħmel. Din l-attività tibda fit-8pm u ssir taħt id-dawl artifiċjali.

Għal aktar informazzjoni wieħed jista jidħol fis-sit elettroniku www.asmk.org.mt jew fil-pagni ta’ Facebook A.S.M.K. Malta jew Assocjazzjoni Sport Muturi u Karozzi. Wieħed jista’ jagħmel kuntatt bl-email info@asmk.org.mt.





Leave a comment