- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

60 kandidat jiksbu ċertifikat fl-amministrazzjoni tal-football

Posted By Sportinmalta On February 27, 2018 @ 1:44 pm In Featured,Football | No Comments

L-MFA tikkunsidra inċentivi biex tħeġġeġ lill-clubs jimpjegaw amministratur bl-ewwel kors dwar l-amministrazzjoni fil-football (Certificate in Football Administration), organizzat mill-Malta Football Association, li ntemm riċentement.

Total ta’ 60 kandidat temmew b’suċċess dan il-kors ta’ ħames xhur li kopra numru ta’ temi ewlenin relatati mal-amministrazzjoni tal-football, u li wassal għall-preżentazzjoni taċ-ċertifikati li saret fit-22 ta’ Frar, 2018 fil-Corinthia Palace Hotel, San Anton.

Minn dawn is-60 parteċipant, 28 ħadu sehem ukoll f’kors kumplimentari li kien jittratta l-amministrazzjoni tan-nurseries.

Norman Darmanin Demajo, il-President tal-Malta Football Association, feraħ lill-parteċipanti għall-isforzi tagħhom u l-interess kbir li wrew matul il-korsijiet.

“Id-dedikazzjoni li wrejtu matul dawn il-korsijiet hija tabilħaqq ta’ min ifaħħarha,” qal Darmanin Demajo.

“Huwa tajjeb li intom issa ksibtu dan iċ-ċertifikat imma l-aktar parti importanti issa hija li tibdew timplimentaw dak li tgħallimtu matul dawn il-korsijiet.”

Filwaqt li enfasizza l-importanza tar-rwol tal-amministratur fil-logħba tal-football, Darmanin Demajo qal li l-MFA qed tikkunsidra inċentivi mmirati biex jinkoraġġixxu lill-clubs jimpjegaw amministraturi rikonoxxuti mill-MFA.

“Jekk hemm xi ħaġa li tixtiequ tiddiskutu, ħossukom liberi li tiġu u titkellmu magħna,” qal Darmanin Demajo.

“Il-bibien tagħna huma dejjem miftuħa.”

Dr Matthew Paris, il-Viċi-President tal-MFA u l-Amministratur tal-Kors, esprima l-gratitudni tiegħu lill-parteċipanti għall-appoġġ u l-koperazzjoni tagħhom.

“Dan ma kienx kors iżolat,” qal Dr Paris.

“Hija l-intenzjoni tagħna li norganizzaw dawn it-tip ta’ korsijiet fuq bażi regolari għaliex dan huwa essenzjali għall-football Malti.”

Il-modules li saru matul is-CFA Course inkludew l-istatut u r-regolamenti tal-MFA, il-proċeduri tar-reġistrazzjoni tal-players, il-liċenzjar tal-clubs u il-kwistjonijiet tat-taxxi, il-finanzi, il-matchday operations, il-kompetizzjonijiet, il-komunikazzjoni u l-media, il-marketing, football information systems, l-​​integrità u r-relazzjoni bejn id-dressing room u l-boardroom.

Waħda mis-sessjonijiet tmexxiet minn Thierry Favre, il-Kap tas-sezzjoni tal-Iżvilupp tal-Assoċjazzjonijiet Nazzjonali fi ħdan il-UEFA, li ta ħarsa lejn ix-xogħol tal-UEFA f’dan il-qasam.

Waqt li tkellem f’isem il-parteċipanti, Jurgen D’Amato qal li l-ħtieġa għal kors tal-amministraturi tal-football ilha tinħass.

Filwaqt li rringrazzja lill-MFA li tat lilu u lill-kollegi tiegħu ċ-ċans li jagħmlu dan il-kors, D’Amato ħeġġeġ lill-amministraturi kollha biex ipoġġu l-għarfien miksub tagħhom fil-prattika u biex ikollhom il-kuraġġ li jieħdu deċiżjonijiet diffiċli biex jissalvagwardjaw il-futur tal-clubs tagħhom.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/60-kandidat-jiksbu-certifikat-fl-amministrazzjoni-tal-football/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.