Logħob tal-futbol b’risq id-Dar tal-Providenza

Wednesday, January 1, 2014, 18:12

Nhar it-Tnejn li għadda 30 ta’ Diċembru, saret l-attività tal-logħob tal-futbol 7-aside organizzata minn Radju RTK b’risq id-Dar tal-Providenza, fil-grawnd tal-Kulleġġ San Alwiġi f’Birkirkara.

 

Il-kick-off  sar mill-Arċisqof Pawlu Cremona, flimkien mad-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, Dr Toni Abela, u mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Dr Simon Busuttil.

 

Fost l-oħrajn spikkat il-partita bejn tijm ta’ saċerdoti li lagħbu kontra l-Membri Parlamentari, liema logħba ntemmet bl-iskor ta’ tlieta b’xejn favur is-saċerdoti. Il-logħba finali kienet bejn il-General Workers’ Union u s-saċerdoti, li ntrebħet mill-GWU bl-iskor ta’ 5 b’xejn.

 

Fil-ħin tal-preżentazzjoni tat-trofej lill-parteċipanti kollha, l-Istation Manager ta’ Radju RTK, Karl Wright, qal li din l-attività simbolika kellha l-għan li tqanqal spirtu ta’ sforz kollettiv bil-għan li jitwassal messaġġ lill-poplu Malti u Għawdxi kollu biex nhar l-Erbgħa l-1 ta’ Jannar 2014 jingħaqad u jsarraf l-istess spirtu f’ġenerożità b’risq id-Dar tal-Providenza.

 

Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, appella biex kulħadd ikun ġeneruż mad-Dar tal-Providenza fil-Kampanja ta’ Radju RTK sabiex il-kwalità ta’ ħajja li jgħixu r-residenti ta’ din id-Dar tkun waħda tajba.

 

Ħadu sehem is-CMTU, l-MDA, il-UĦM u l-GWU, l-MHRA, tim ta’ ħaddiema ta’ Radju RTK u Newsbook, tijm ta’ saċerdoti u tijm ta’ membri parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra tar-Rappreżentanti. Kien hemm ukoll preżenti membri tas-St. John Ambulance.

 





Leave a comment